Il-Gvern jidħol għal persuni li kien se jkollhom tnaqqis fil-pensjoni

Il-Gvern għamel tibdil fl-Att tas-Sigurtà Soċjali għal persuni li twieldu bejn l-1 ta’ Jannar 1956 u l-31 ta’ Diċembru 1961 bil-għan li jkunu mtejjba l-effetti negattivi li ġabet magħha l-pandemija tal-Covid-19 fuq id-dħul ta’ dawn il-persuni matul is-sena 2020 u li jirrifletti l-pensjoni tagħhom.

Dawn id-dettalji ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġstizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon u l-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana.

Il-Ministru Falzon qal li kien hemm numru ta’ persuni li kienu kważi waslu biex jibdew jieħdu l-pensjoni u li kellhom l-impjieg tagħhom affetwat ħażin fl-aħħar sena qabel jaslu għall-pensjoni. 

Għalhekk dan it-tibdil legali se jkun qed jolqot b’mod pożittiv mal-2,500 persuna u l-familji tagħhom sabiex ma jkollhomx tnaqqis fil-pensjoni netta tagħhom kawża ta’ dan il-perjodu tal-pandemija li ħasad lid-dinja.

Il-Ministru Falzon spjega li meta ssir l-valutazzjoni tad-dħul pensjonabli, jittieħdu l-aktar salarji għolja tat-tliet snin konsekuttivi, jew inkella l-iktar dħul f’10 snin konsekuttivi tal-aħħar 11, 12, 13 sena qabel l-eta tal-irtirar, u dan jiddependi fuq id-data ta-tweilid tal-persuna. 

Persuni li twieldu bejn 1952 u 1955 diġà rtiraw u ħadu l-pensjoni, iżda hemm oħrajn li twieldu bejn l-1956 u l-1961 li jista’ jkun li għadhom fid-dinja tax-xogħol.

Għaldaqstant is-sena 2020 jaf ikollha effett kruċjali fuq il-pensjoni finali ta’ dawn il-persuni. Permezz ta’ dan it-tibdil, persuni impjegati li raw tnaqqis fil-paga tagħhom minn Marzu sa Diċembru se tittieħdilhom il-medja tad-dħul li kellhom f’Jannar u Frar tal-2020.

B’hekk, is-sena 2020 tkun ibbażata fuq id-dħul tal-ewwel xahrejn tas-sena meta d-dħul tagħhom ma kienx affetwat. Dawk self-employed u li kellhom tnaqqis fid-dħul fl-2020 se jkun qed jittieħdielom l-istess dħul tas-sena 2019, bil-għan li ma jkunx hemm diskrepanza negattiva fil-pensjoni.

Il-Ministru Michael Falzon ikkonkluda u li “dan il-Gvern verament irid iwettaq ġustizzja soċjali ma’ kulħadd, u anke jekk ma jkunx hemm obbligi legali li jagħmel dan, xorta waħda nidħlu għal dawn il-persuni. L-istess kif għamilna għal persuni li sofrew inġustizzji fil-passat, dawk li ma ħallsux biżżejjed bolol u ma kinux jikkwalifikaw għall-pensjoni, żidiet konsekuttivi fil-pensjonijiet u għajnuniet supplimentari għall-pensjonanti tagħna”.

Huwa sostna li sadattant komplew jinħadmu aktar każi ta’ pensjonijiet skont il-provedimenti tal-miżura l-ġdida dwar il-bolol imħallsa qabel id-19-il sena u sa issa bbenefikaw 424 persuna minn din il-miżura. 

Minnhom hemm 401 li qed jibbenefikaw minn pensjoni għall-ewwel darba waqt li 23 huma romol li permezz tal-miżura qed jibbenefikaw minn żieda fil-pensjoni tagħhom.

Min-naħa tiegħu l-Ministru Caruana qal li l-Gvern qed idaħħal din il-miżura fis-seħħ sabiex dawk il-persuni li se jkunu qed jirtiraw fiż-żmien li ġej ma jsofru l-ebda tnaqqis fil-pensjoni tagħhom.

Li kieku l-Gvern mhux qed jintervjeni, kien ikun wisq inġust fuq eluf ta’ pensjonanti li wara li jkunu għamlu għomorhom kollu jaħdmu jsofru daqqa fil-pensjoni kawża taċ-ċirkostanzi li ġabet magħha l-pandemija.

Huwa qal li din hija miżura soċjali oħra li se tkun qed timpatta l-ħajja tan-nies għal mill-inqas għoxrin sena. B’hekk, id-dħul tal-familji tal-pensjonanti ta’ għada se jibqa’ l-istess daqs li kieku l-pandemija ma eżistitx. 

Il-Ministru Caruana qal li din il-komputazzjoni ġdida se tibqa’ fis-seħħ sakemm iddum għaddejja l-pandemija u aktar ’il quddiem din il-miżura se tiġi estiża għall-kategoriji oħra ta’ pensjonanti.

Share With: