Il-Gvern iħabbar estensjoni ta’ għajnuniet lin-negozji impattati mill-pandemija

Il-Gvern estenda l-moratorji sa Settembru li ġej bil-għan li jgħin lil negozji impattati mill-pandemija. Dan tħabbar mill-Ministru Clyde Caruana.

L-applikazzjonijiet għal moratorji inizjalment kienu miftuħin sa Ġunju ta’ din is-sena, madankollu ġew estiżi biex jgħinu lil negozji jħallsu lura l-kapital tagħhom, b’mod partikolari fid-dawl tal-aħħar restrizzjonijiet ta’ negozji mhux essenzjali u restoranti.

Sa Diċembru li għadda kien hemm €610,900,000 f’self li ttieħed qabel il-pandemija li kienu qed jibbenefikaw minn moratorji. B’mod partikolari l-aktar self li għalih kien hemm applikazzjonijiet ta’ moratorji kien fis-setturi tal-akkomodazzjoni u servizzi tal-ikel.

Intant it-tul ta’ żmien massimu għall-perjodu ta’ moratorji permezz tal-Iskema tal-Garanzija għall-Covid (CGS) ġie estiż minn 12-il xahar għal 18-il xahar.

Dan se jkun qed jassigura li banek ma jkunux esposti għal riskji ta’ żieda ta’ self mhux performanti. Fl-istess waqt negozji se jkunu qed jingħataw żmien biex jirkupraw mit-telf finanzjarju li sofrew.

Il-CGS b’mod simultanju se tiġi estiża mill-aħħar ta’ Ġunju sal-aħħar ta’ Settembru ta’ din is-sena bil-għana li jkun iffaċilitat l-aċċess għal finanzjament bankarju minn negozji.

Il-Ministru Caruana ħabbar ukoll li l-iskema għal differiment tat-taxxa se tiġi estiża u issa se tkun kopri minn Awwissu tas-sena li għaddiet sa Diċembru ta’ din is-sena. Il-pagament ta’ dawn it-taxxi se jkun qed jibda minn Mejju tal-2022 u se jkun inklussiv tat-taxxi kollha li tħallsu minn min iħaddem.

Negozji b’bilanċ pendenti ta’ taxxa se jingħataw ċans ta’ darba biex jirregolarizzaw ruħhom. Dawk in-negozji li se jbigħu l-proprjetà tagħhom biex iħallsu t-taxxa dovuta lill-Gvern se jkunu eżentati mit-Taxxa tal-Qligħ Kapitali.

Share With: