“Il-ġustizzja fil-kirjiet tibda mill-valur reali tal-proprjetà” – Il-Ministru Galdes

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes stqarr li l-ġustizzja fil-qasam tal-kirjiet tista’ ssir biss meta l-kera mħallsa tkun marbuta mal-valur reali tal-proprjetà. Dan hu wieħed mill-aspetti prinċipali li r-riforma tal-kirjiet protetti se tkun qed tindirizza.

Dan intqal waqt laqgħa li saret bejn il-Kamra tal-Periti, rappreżentanti tal-Awtorità tad-Djar, u l-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali.

Il-Ministru Galdes sostna li biex il-ġustizzja ssir, il-valur reali tal-proprjetà se jkun qed jiġi ddeterminat mill-valutazzjoni tal-esperti mqabbdin mill-Bord li Jirregola l-Kera, li f’dan il-qasam huma l-periti. “Il-periti se jkollhom rwol essenzjali f’din ir-riforma għaliex huma l-professjonisti li għandhom l-esperjenza, l-għarfien u l-imparzjalità meħtieġa biex jiddeċiedu fuq il-valur tal-proprjetà. Dan il-ġudizzju indipendenti u imparzjali hu neċessarju  biex jindirizzaw kull dubju, jaqtgħu l-abbuż, u jsaħħu din is-sistema li qed nintroduċu. Kburi li għal darb’oħra l-Ministeru tiegħi qiegħed jaħdem id f’id mal-Kamra tal-Periti għal ġid tas-soċjetà tagħna. Din il-kollaborazzjoni diġà qed tagħti l-frott, kif diġà ntwera fil-Housing Speċjalizzat, u f’inizjattivi varji oħra,” temm jgħid il-Ministru Galdes.

Filwaqt li r-riforma se tkun qed tiggarantixxi ġustizzja mas-sidien, se tkun qed tagħti s-serħan tal-moħħ lill-inkwilini, b’mod partikolari l-pensjonanti u dawk li jaqilgħu l-inqas. Dan għaliex wara li jsir test tal-mezzi, il-gvern se jkun qed jassisti permezz ta’ benefiċċju b’saħħtu, li jkopri kwalunkwe żieda fil-kera għall-pensjonanti, u li jaċċerta li ħadd ma jħallas aktar milli jiflaħ. L-Awtorità tad-Djar, permezz ta’ unit speċjalizzat se toffri wkoll assistenza ħolistika lil kull min jeħtieġ għajnuna u gwida f’kwalunkwe stadju tal-proċess. 

Il-President tal-Kamra tal-Periti Andre Pizzuto qal li l-KTP tilqa’ b’sodisfazzjon ir-riforma proposta. Hu qal li l-KTP se tieħu rwol proattiv f’din ir-riforma billi tassisti l-professjonisti tagħha fil-valutazzjoni tal-proprjetà biex dawn ikunu uniformi u ġusti.

“Bħala parti mill-kontribut tagħha, il-Kamra se tirrevedi wkoll il-Valuation Standards tagħha, sabiex jirriflettu kwalunkwe tibdil fil-liġi tal-kera. Dan ikun jista’ jassigura li r-rapporti tal-valutazzjoni jitfasslu b’konformità mal-liġi l-ġdida, u b’hekk tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tar-riforma,” temm jgħid is-Sur Pizzuto.

Il-Ministru Galdes ikkonkluda billi rringrazzja lill-Kamra tal-Periti li laqgħu din ir-riforma u qal li fil-jiem li ġejjin se jkun qiegħed jiltaqa’ ma’ aktar stakeholders biex din ir-riforma tkun waħda ta’ suċċess.

Share With: