Il-Covid Wage Supplement se jibqa’ jingħata sal-aħħar tas-sena lil dawk l-aktar milqutin mill-pandemija

Miktub minn Claudio Coleiro, Ritratti: Alan Saliba

Il-Covid Wage Supplement mhux se jieqaf ħesrem f’Ġunju li ġej, però se jibqa’ jingħata l-massimu tal-għajnuna sal-aħħar tas-sena lill-kumpaniji li jibqgħu jesperjenzaw l-iktar impatt negattiv fuq id-dħul tagħhom minħabba l-pandemija. Dan se jkun ifisser spiża ta’ madwar €200 miljun.

Ħabbret dan il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli f’konferenza stampa li indirizzat flimkien mal-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana b’rabta mal-estensjoni tal-Covid Wage Supplement. 

Dr Dalli semmiet kif b’effett immedjat, dawk l-istabbilimenti li ġew affettwati mir-restrizzjonijiet il-ġodda mħabba l-Ħamis li għadda, se jkunu qed jibbenefikaw mill-ammont ta’ sussidju massimu ta’ €800.

Hija qalet ukoll li “sal-aħħar tas-sena se nibqgħu nassistu lill-kumpaniji kollha anke lil dawk li ġew impattati inqas minn oħrajn. Dan se nagħmluh billi niżguraw proċess li jnaqqas id-dipendenza fuq il-wage supplement b’mod gradwali.”

Paripassu ma’ dan, mistenni li jiġu introdotti miżuri alternattivi li jżidu l-għajnuna lill-kumpaniji u lill-intrapriżi Maltin biex dawn ikunu jistgħu jirreġeneraw ruħhom u jinvestu fit-tkabbir tagħhom. 

Mill-bidu tas-sena sa issa, ingħataw ‘il fuq minn €63 miljun f’wage supplement lin-negozji u permezz tar-reviżjoni li saret f’Jannar ta’ dan is-suppliment bdew igawdu minnhom ukoll anke dawk il-ħaddiema li ġew sostwiti wara Marzu. Fil-fatt b’din ir-reviżjoni żdiedu ‘l fuq minn 4,000 ħaddiem, b’investiment ta’ €14-il miljun.

“Għenna lill-intrapriżi wkoll permezz ta’ appoġġ fuq il-kontijiet tad-dawl u anke b’għajnuna fuq il-leave tal-kwarantina. Minn dan ix-xahar ukoll in-negozji bdew jirċievu l-għajnuna tal-kiri fejn bħalissa qed nagħtu injezzjoni ta’ €5.5 miljun. It-total ta’ din l-iskema se tkun tfisser għajnuna diretta li tlaħħaq it-€12-il miljun, appoġġ lil 850 kumpanija u aktar minn 870 self employed li bejniethom iħaddmu ‘l fuq min 14,000 ħaddiema f’Malta u mad-900 ħaddiem ieħor f’Għawdex,” żiedet tispjega l-Ministru Dalli.

Hija semmiet ukoll kif il-Malta Enterprise, permezz tal-iskema tal-Micro Invest, se tkun qiegħda tinvesti €1.4 miljun f’madwar 860 kumpanji li investew biex jespandu u qed jinvestu fl-innovazzjoni biex jiżviluppaw l-operat u n-negozju tagħhom.

Dawn in-negozji jinkludu fost oħrajn start ups, negozji tal-familja u self employed li se jirċievu għotja li normalment tissarraf fi kreditu ta’ taxxa bħala assistenza finanzjarja biex tgħinhom f’dan il-perjodu.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana spjega kif is-sena li għaddiet, in-nefqa fuq il-Wage Supplement kienet tlaħħaq it-€360 miljun, ekwivalenti għal madwar 3% tal-Prodott Gross Domestiku. 

“Aktar kmieni dan ix-xahar kellna figuri ta’ kemm naqas, għall-ewwel darba fl-istorja minħabba l-pandemija, il-prodott gross domestiku. Rajna li f’termini reali waqa’ b’7% waqt li f’termini nominali, il-waqgħa kienet ta’ madwar 5.7%.”

‘Li kieku l-Gvern ma intervjeniex fost il-ħafna miżuri li għamilna s-sena l-oħra, il-waqgħa fil-Prodott Gross Domestiku kienet tkun bil-ħafna akbar. Għaldaqstant, permezz tal-wage supplement, il-contraction li kellna fil-PDG is-sena l-oħra, il-Gvern irnexxielu jnaqqasha b’terz,” sostna l-Ministru Caruana.

Share With: