Il-BOV se jirrifondi t-tariffi fuq kontijiet inattivi u b’bilanċ minimu

Wara li l-Bank of Valletta ħabbar li ssospenda t-tariffi relatati ma’ kontijiet li mhux qed jintużaw u kontijiet b’bilanċi taħt l-ammont minimu ta’ €200, wara diskussjonijiet mar-Regolatur, il-Bank ħa d-deċiżjoni li jirrifondi t-tariffi applikati.  Dan qed isir għax jidher li minkejja l-programm ta’ komunikazzjoni li l-Bank nieda bejn Ġunju u Diċembru 2020 permezz ta’ diversi mezzi tal-midja, kien hemm numru ta’ klijenti li ma kienux jafu bl-introduzzjoni ta’ dawn it-tariffi.

Il-Bank introduċa dawn it-tariffi biex jirkupra parti mill-ispejjeż relatati biex imantni kontijiet li l-klijenti jagħżlu li ma jużawx jew li jinżammu b’bilanċ baxx. Il-Bank se jkun qed jissokta bid-diskussjonijiet mar-Regolatur u se jkun qed jikkomunika mill-ġdid mal-klijenti tiegħu f’dan ir-rigward.

Il-klijent ser jirċievu lura t-tariffi b’mod awtomatiku u mhux ser ikun hemm il-ħtieġa li wieħed jikkuntattja l-fergħa jew il-Customer Service Centre tal-BOV sabiex jieħu l-flus lura.

Minkejja dan, il-Bank of Valletta jkompli jħeġġeġ lill-klijenti li ma jużawx il-kontijiet bankarji tagħhom biex jew jattivaw dawn il-kontijiet, jew jagħlquhom jekk ma jkunux meħtieġa aktar jew jagħżlu kont bankarju bażiku li huwa eżentat minn dawn it-tariffi.

Share With: