Iben mixli li hedded lil ommu

Raġel ta’ 37 sena minn Birżebbuġa baqa’ miżmum taħt arrest wara li tressaq fil-Qorti tal-Maġistrati mixli li hedded lil ommu.

Isem ir-raġel mhux jixxandar biex ma tinkixifx l-identità ta’ ommu peress li l-Pulizija qed tqis il-każ bħala wieħed ta’ vjolenza domestika.

Minbarra li heddidha huwa kien akkużat ukoll li taha fastidju, beżżagħha, uża apparat ta’ komunikazzjoni biex jheddidha u insulentaha.

Meta l-Maġistrat Josette Demicoli staqsietu xi jwieġeb għal dawn l-akkużi huwa qal li ħati.

Imma wara li tagħti ċans jaħsibha, kif huwa obbligu bil-liġi, huwa ħareġ barra l-awla biex jitkellem mal-avukat tiegħu Jason Grima u x’ħin daħal infurmaha li kien qed iwieġeb mhux ħati.

L-istess avukat talab li l-akkużat jinħeles mill-arrest imma l-Ispettur Eman Hayman oġġezzjona.

Waqt li semma kif l-akkużat joqgħod m’ommu, l-Ispettur Hayman sostna li l-argument inqala’ wara li r-raġel irċieva r-riferta biex jitla’ fuq każ ieħor fejn allegatament ħebb għall-istess ommu.

Kien hawn li allegatament ukoll ir-raġel tant hedded lil ommu li din wegħditu li se tmur għand il-Pulizja biex tibdel il-verżjoni.

Skont l-Ispettur Hayman tant kemm ommu kienet imbeżża’ minn binha li kienet lesta tmur f”shelter’ u tħalli lilu joqgħod fid-dar.

Waqt dan id-diskors l-akkużat beda jxengel rasu b’nuqqas ta’ qbil u anke qal li din kienet malafama.

L-avukat tiegħu informa lill-Maġistrat Demicoli li jekk tagħti lill-akkużat il-ħelsien mill-arrest dan seta’ jmur joqgħod ma’ ħuh jew f’kamra li hija ta’ ħabib tiegħu.

Madankollu l-Maġistrat Demicoli warrbet din it-talba għall-ħelsien mill-arrest u għalhekk huwa baqa’ miżmum arrestat.

Share With: