Ġimgħa impenjattiva għall-Pulizija; Maħruġin aktar minn 500 multa b’rabta mal-Covid fost oħrajn

Il-ġimgħa li għadda kienet wieħda mill-aktar impenjattiva għall-Korp tal-Pulizija. Dan hekk kif, fost oħrajn, inħarġu aktar minn 500 multa b’rabta ma’ ksur tar-regolamenti maħruġin mill-awotoritajiet tas-saħħa dwar il-Covid-19.

F’messaġġ li kien ippubblikat fuq il-midja soċjali l-Pulizija qalet li l-uffiċjali mid-Distrett ta’ San Ġiljan arrestaw u ressqu l-Qorti lil żewġ persuni talli darbu lil raġel ieħor.

It-Taqsima tar-Reati Maġġuri arrestaw u ressqu l-Qorti lil raġel talli qabbad nirien fil-Għargħur, filwaqt li ressqu taħt arrest lil żewġt irġiel oħrajn b’rabta ma’ hold-up fil-Mosta.

L-istess taqsima, flimkien mar-Rapid Intervention Unit u l-Pulizija mid-Distrett ta’ Tas-Sliema arrestaw ukoll lil raġel b’rabta ma’ każ ta’ mugging f’Ta’ Xbiex.

Dan filwaqt li l-Pulizija mid-Distrett ta’ San Ġiljan u mir-Reati Maġġuri arrestaw u ressqu l-Qorti raġel dwar hold-up f’San Ġwann.

Żewġt irġiel oħrajn kienu arrestati u tressqu l-Qorti mill-Pulizija tad-Distrett tar-Rabat, b’rabta ma’ numru ta’ serqiet minn siti ta’ kostruzzjoni.

Id-Dipartiment tal-Immigrazzjoni arresta lil erba’ persuni li kienu qed jipprovaw jitilqu minn Malta b’dokumentazzjoni falza.

Dan filwaqt li s-Central Intelligence & Analysis Unit, flimkien mat-Taqsima dwar ir-Relazzjonijiet Internazzjonali arrestaw lil raġel b’rabta ma’ mandat għal arrest Ewropew mill-awtoritajiet Taljani b’rabta ma’ allegat traffikar ta’ droga minn organizzazzjoni kriminali.

Share With: