Għaxar snin ħabs talli daħlet Malta b’kilo kokaina fl-istonku

Mara ta’ 42 sena mill-Veneżwela kienet ikkundannata 10 snin ħabs wara li ammettiet li daħlet Malta bi 93 kapsola mimlijin b’kilo kokaina fl-istonku.

Kien fl-20 ta’ Novembru 2016 li l-Pulizija kienet infurmata li abbord titjira mill-Iżvizzera kellu jasal raġel mill-Veneżwela bl-isem ta’ David Rafael Castillo li fuqu kien se jkollu d-droga.

Il-Pulizija arrestatu fl-ajruport u peress li rriżultalhom li kien hemm persuna oħra Veneżwelana involuta marru f’lukanda f’Buġibba fejn huwa kien għamel il-‘booking’.

Fil-fatt hemmhekk sabu lil Geraldine Mora Huizi li kienet diġà irremettiet uħud mill-kapsoli u ħaduha l-Isptar Mater Dei fejn minn X-ray irriżulta li kellha aktar kapsoli fl-istonku.

B’kollox hija belgħet 93 kapsola li kien fihom ftit iktar minn kilo kokaina b’purità ta’ 38% li kieku nbiegħet fit-triq kienet iġġib il-prezz ta’ kważi €70,000.

Iż-żewġ Veneżwelani tressqu fil-Qorti tal-Maġistrati mixlijin b’pussess, importazzjoni u assoċjazzjoni bi skop ta’ traffikar imma hekk kif kienet se tgħaddi ġuri ammettiet.

Minbarra l-10 snin ħabs, l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera ikkundannatha tħallas multa ta’ €25,000.

Share With: