“Għada nħabbru żviluppi fuq il-wage supplement”

Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana ħabbar li għada kien se jindirizza konferenza tal-aħbarijiet bl-aħħar żviluppi fuq il-‘wage supplement’.

Huwa semma dan fil-Parlament waqt li kien qed iwieġeb diversi mistoqsijiet parlamentari dwar l-impatt tal-Covid19 fuq l-ekonomija.

Dwar il-moratorju fuq ħlasijiet min-negozji Caruana qal li ħafna diġà bdew iħallsu l-pagamenti għax jinsabu f’sitwazzjoni li jagħmlu hekk u sostna li ftit huma dawk li ma jistgħux.

Huwa saħaq li l-Gvern qed iħares lejn diversi toroq kif jista’ jagħmilha aktar faċli lis-settur kummerċjali jassigura l-vijabilità tan-negozju għax-xhur u snin li ġejjin.

Waqt li semma kif bil-moratorja l-Gvern salva diversi postijiet tax-xogħol, Caruana nsista li dan kien neċessarju għalkemm dwar żmien relatat mal-ħlas għamilha ċara li dan huwa dettat mill-awtorità li tirregola l-banek Ewropej.

Dwar l-irkupru ekonomiku huwa qal li matul din is-sena mistenni jikber is-settur tal-finanzi u l-igaming mentri t-turiżmu għandu sas-sena d-dieħla biex jibda jirkupra.

Fl-istess waqt il-Ministru tal-Finanzi u x-Xogħol semma kif peress li l-ekonomija ta’ Malta hija diversifikata jistenna li t-tkabbir ikun f’diversi setturi.

Mistoqsi dwar l-ikbar sfidi li iffaċċja fl-ewwel 100 jum fil-kariga, Caruana qal li kuntrarjament għal pajjiżi oħra fl-UE l-Gvern ħares l-impjiegi u l-qgħad f’pajjiżna ma żdiedx daqskemm f’pajjiżi oħra tal-UE.

Share With: