Fl-aħħar sebat ijiem jingħataw 789 taħrika wara 5,768 spezzjoni

Minn figuri ppubblikati, intwera kif fl-aħħar sebat ijiem ingħataw aktar minn 789 taħrika wara li saru xejn inqas minn 5,768 spezzjoni. Dawn l-ispezzjonijiet saru mill-Pulizija, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali u Transport Malta.

Dawn l-ispezzjonijiet u l-eventwali taħrik qed isir anke wara li propju ftit tal-jiem ilu kienu mħabbra sett ta’ mizuri oħra mill-Prim Minstru Robert Abela, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne u s-Supretedent tas-Saħħa Pubblika l-Professur Charmaine Gauci. 

Waqt din il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Prim Ministru ħabbar li sidien li jinqabdu jiksru regolamenti dwar l-għeluq ta’ stabbilimenti u postijiet ta’ divertiment u boat parties se jiffaċċjaw multa ta’ €6,000 li hi d-doppju ta’ bħalissa. Qal li l-avvenimenti tal-massa se jibqgħu pprojbiti ħlief għal tiġijiet u attivitajiet reliġjużi li huma mitluba jsegwu b’mod strett il-protokolli maħruġa għalihom. Min jinqabad jorganizza avveniment tal-massa jista’ jiġi mmultat ukoll €6,000.

Tħabbar ukoll li n-nies f’attivitajiet fi djar privati ma jistax ikunu ġejjin minn aktar minn erbat idjar differenti. L-ammont massimu ta’ persuni miġbura flimkien fuq barra għadu ta’ sitta min-nies. Kull persuna li tikser din id-direttiva tista’ tiġi mmultata €100. Se jerġgħu jidħlu fis-seħħ ir-regolamenti fuq il-postijiet ta’ akkomodazzjoni liċenzjati, kif kien hemm fil-ġranet tal-Karnival. Dawn ma jistgħux jilqgħu fihom aktar nies milli hemm sodod liċenzjati.

Mill-5,768 spezzjoni li saru mill-entitajiet diversi ta’ infurzar, irriżultaw f’789 taħrika lill-persuni li kisru r-regoli li jirriżultaw mill-avviżi legali maħsuba biex iwaqfu t-tixrid  tal-Covid-19. 

706 multi kienu marbuta ma’ ksur tal-obbligu li tintlibes il-maskra. 56 persuna kienu mmultati għax kienu fi gruppi ta’ sitta jew iktar. 

Il-kumplament kienu multi marbuta ma’ ksur ta’ regolamenti għal stabbilimenti, jew organizazzjoni ta’ avvenimenti mhux permessi bl-avviżi legali. Kien hemm anke każ fejn inkisru r-regoli ta’ kemm huma permessi persuni f’residenza. 

Saru wkoll 2,910 spezzjoni biex jassiguraw li persuni jsegwu l-obbligu ta’ kwarantina. Irriżulta li l-persuni kollha kienu qed isegwu l-obbligu tal-kwarantina.

Share With: