Erba’ snin ħabs talli kiser saqajn bintu tarbija ta’ seba’ xhur

Missier ħati li f’mument ta’ rabja kiser saqajn bintu, tarbija ta’ seba’ xhur, se jkollu jiskonta piena ta’ erba’ snin ħabs wara li kellu s-sentenza kkonfermata fl-appell.

Ir-raġel, li ismu mhux jixxandar fuq ordni tal-Qorti, kien tressaq fil-Qorti mixli li f’Ġunju ta’ erba’ snin ilu f’residenza f’Bormla kkaġuna ġrieħi gravi fuq bintu u li weġġa’ ħafif lis-sieħba tiegħu. 

Huwa kien mixli wkoll li żamm lis-sieħba tiegħu kontra l-volontà tagħha u kkaġuna biża’ li se tintuża vjolenza kontrieha u kontra ż-żewġ uliedhom minuri u li għamel ħsara fil-proprjetà ta’ ħaddieħor. 

F’Diċembru tal-2020, ir-raġel kien instab ħati mill-Qorti tal-Maġistrati u kien ikkundannat erba’ snin priġunerija. Huwa kien appella mis-sentenza fejn iddikjara li ma kellu l-ebda intenzjoni li jweġġa’ lit-tarbija u li dak li għamel għamlu f’mument ta’ rabja.

Is-sieħba tal-akkużat kienet xehdet fil-Qorti li dakinhar li seħħ il-każ kellha xi tgħid miegħu u li kienu għadhom deħlin minn barra tard filgħaxija. Tgħid li kien hemm it-televixin mixgħul u tiftakar li kien jum l-elezzjoni.

Qalet li l-akkużat kien refa’ jdejh fuq binthom ta’ seba’ xhur li kienet ħdejha fuq maxi cosy marbuta. Qalet li kien qabadha, dawwarha bis-saħħa fuq is-sodda u beda jagħfsilha wiċċha u jtiha ġo żaqqha u f’sieqha. 

Hija bdiet tgħidlu biex jieqaf għax kien se joqtolha u rnexxielha taqilgħu minn magħha u telaq. L-omm qalet li t-tifla bdiet tibki u żammitha magħha l-lejl kollu sakemm ħin minnhom reġa’ tfaċċa u pprova jsawwat lilha u lit-tifla. 

Spjegat li hija ntefgħet f’kantuniera u beda jagħti lilha “b’tali mod li kien qisu qed jagħti fuq punching bag.” Qalet li aċċess għall-mobile ma kellhiex għaliex kieku kienet iċċempel lil missierha u l-ipad kien kissirulha.

Hija eventwalment irnexxielha ċċempel lil missierha minn fuq il-mobile tiegħu għax kien nesieh fuq in-naħa ta’ fejn jorqod hu. Id-dar magħhom kien hemm ukoll it-tifel ta’ sentejn u erba’ xhur.

Wara xi għaxar minuti, hija marret tiftaħ il-bieb u sabet żewġ pulizija mill-Għassa ta’ Bormla u talbithom biex joħorġu lilha u lit-tfal mid-dar “għax kien se joqtolhom” u sussegwentement ħarġu.

Il-mara xehdet li hija kienet ilha f’relazzjoni mal-akkużat madwar seba’ snin però tgħid li minn dejjem kellu idu ħafifa. Tgħid li sar aggressiv ħafna fix-xahar qabel l-elezzjoni u l-aħħar ġimagħtejn kien ukoll qafilha ġewwa u ma setgħet tagħmel kuntatt ma’ ħadd.

Min-naħa tiegħu, l-akkużat għażel li ma jixhidx fil-proċeduri iżda fl-istqarrija li kien ta lill-Pulizija, qal li kien iddispjaċieh li weġġa’ lil bintu u li ma għamilx dan apposta. 

Qal li t-tarbija waqgħet għax hu u s-sieħba kienu qed jiġġieldu bl-idejn fuq is-sodda u laqtuha. Qal ukoll li xtaq jirranġa mas-sieħba sabiex l-affarijiet jiġu lura għal li kienu. 

L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, li semgħet l-appell, ikkunsidrat il-gravità tal-każ kif ukoll ix-xhieda ta’ żewġ konsulenti li kkonfermaw li t-tarbija llum fieqet tajjeb ħafna mill-ksur li ġarrbet f’sieqha.

L-Imħallef Herrera nnotat ukoll li r-raġel ma kien wera ebda sinjal ta’ riforma f’ħajtu anzi kompla jirranka fil-ħajja kriminuża tiegħu, b’mod li llum huwa reċediv. 

Kien għal dawn ir-raġuni li qablet mad-deċiżjoni tal-Ewwel Qorti, u filwaqt li ċaħditlu l-appell, ikkonfermat is-sentenza ta’ erba’ snin li kien weħel orġinarjament.

Il-Qorti rabtitu wkoll biex ma jimmolestax lill-mara u lil uliedhom għal perjodu ta’ sena taħt penali ta’ €2,000. 

Share With: