Erba’ rġiel arrestati b’rabta ma’ sensiela ta’ serq minn diversi residenzi

Erba’ rġiel mill-Georgia ġew arrestati mill-Pulizija b’rabta ma’ sensiela ta’ serq minn residenzi f’diversi lokalitajiet. 

Wara jiem ta’ investigazzjonijiet mill-Pulizija tad-Dipartiment tar-Reati Maġġuri u l-Pulizija tad-Distrett tal-Mosta b’rabta mas-serq, ġie identifikat grupp ta’ persuni barranin mdaħħlin fi kriminalità organizzata u l-vettura li qed jużaw.  

Ilbieraħ filgħodu, waqt li Kuntistabbli stazzjonat ir-Rapid Intervention Unit (RIU) kien off-duty, innota l-vettura mfittxija f’San Pawl il-Baħar. Għalhekk, il-pulizija għamel kuntatt mal-Kamra tal-Kontroll, infurmahom li għandu bżonn l-assistenza u fi ftit ħin, il-vettura ġiet imwaqqfa mill-Pulizija tal-RIU u ż-żewġt irġiel ta’ ġo fiha ġew arrestati. 

Wara l-arresti, il-Pulizija stabbiliet li l-irġiel jgħixu l-Qawra. Għaldaqstant, il-pulizija marru fir-residenza fejn arrestaw liż-żewġt irġiel l-oħra u sabu diversi affarijiet irrappurtati misruqa. 

L-investigazzjonijiet mill-Pulizija tar-Reati Maġġuri u tad-Distrett tal-Mosta għadhom għaddejjin.

Share With: