Earth Hour – Avveniment annwali biex titqajjem kuxjenza ambjentali

Għal sena oħra konsekuttiva, il-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar fakkar l-avveniment tal-Earth Hour, li din is-sena qed jiġi kkommemorat illum, nhar is-Sibt 27 ta’ Marzu. 

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia li spjega li  l-għan tal-Earth Hour huwa li titqajjem kuxjenza ambjentali, partikolarment billi jiġi mfakkar id-dmir ta’ kull individwu fil-ħarsien tal-ambjent, fejn ftit sforz minn kulħadd jista’ jissarraf f’benefiċċju  globali. 

Il-ministeru ingħaqad ma’ pajjiżi oħra, biex titqajjem kuxjenza fuq il-problemi relatati mal-konsum  eċċessiv u mhux sostenibbli tal-enerġija, li jġib miegħu diversi impatti negattivi, bħat-tniġġis tal-arja  u l-ħela tar-riżorsi. 

Saret kollaborazzjoni fost entitajiet lokali sabiex jintefa’ d-dawl mit-8.30pm sa 9.30pm, fosthom il Berġa ta Kastilja, il-Funtana tat-Tritoni, il-binja tal-Parlament, diversi ministeri u kunsilli lokali,  ġonna u binjiet oħrajn.  

Il-ministru spjega li t-tema ta’ din is-sena kienet ‘Tkellem għan-Natura’, fejn jispikka l-fatt li l bniedem huwa dak responsabbli għall-ambjent ta’ madwarna, fejn hu biss għandhu l-poter li jkun il vuċi għan-natura u jħarisha. 

“In-natura hija l-ikbar mekkaniżmu b’saħħtu li għandhu l-bniedem kontra l-effetti negattivi tat-Tibdil  tal-Klima. Jekk il-bnedem ma jibżax għan-natura u din tfalli, hekk ifallu ukoll l-ekosistemi u dak  kollhu li jiddependi l-bniedem fuqu”, qal il-ministru, filwaqt li ħeġġeġ lil kulħadd jipparteċipa f’din  l-inizjattiva fid-djar tagħhom u l-post tax-xogħol tagħhom, u jibqgħu konxji dwar l-użu tal-enerġija  tul is-sena kollha.

Share With: