€2 miljun f’għajnuna lis-sidien ta’ ristoranti u snack bars

Minn – CLAUDIO COLEIRO

Il-Gvern se jkun qiegħed jalloka s-somma ta’ €2 miljun f’għajnuna lis-sidien ta’ ristorani u snack bars li mill-bieraħ ġew restritti li jdawru s-servizzi tagħhom f’take-away jew online.

Ħabbar dan il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo waqt konferenza stampa fejn spjega li permezz ta’ din l-iskema, ir-ristoranti u snack bars kollha ta’ Malta u Għawdex, se jingħataw is-somma ta’ €1,000 kull wieħed.

Din is-somma se tkun qiegħda tingħata wara li jagħmlu applikazzjoni mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, bil-flus se jkunu qed jingħataw sal-aħħar ta’ dan ix-xahar.

Il-Ministru Bartolo ħabbar ukoll li se tkun qed tiġi estiża l-għajnuna lill-bars u l-każini fid-dawl li dawn se jibqgħu magħluqin sal-11 ta’ April skont il-miżuri ġodda mħabbra l-Ħamis li għadda mill-Prim Ministru Robert Abela.

Din l-iskema, li bdiet minn €1 miljun, issa se tkun qiegħda tlaħħaq it-€3 miljun. L-għajnuna li se tingħata hi maqsuma fi tliet kategoriji. L-ewwel kategorija hi intenzjonata għall-bars kummerċjali li se jingħataw €3,820 kull wieħed li tkopri l-perjodu mit-28 ta’ Ottubru sal-11 ta’ April.

It-tieni kategorija tiġbor fiha bars li jiffurmaw parti minn każin fejn dawn se jieħu s-somma ta’ €2,490 kull wieħed filwaqt li t-tielet kategorija hija għall-każini ħlief dawk tal-partiti politiċi li se jieħdu €1,660 kull wieħed.

Share With: