Drittijiet diġitali

Minn Benny Borg Bonello

Il-ġimgħa li għaddiet attendejt il-konferenza li organizza l-MEP Alex Agius Saliba.  Kienet dwar id-drittijiet tal-konsumaturi fil-qasam diġitali.  Dan hu qasam li ‘l quddiem ser jikber u ser jiddomina mhux biss il-komunikazzjoni u social media, iżda kull qasam ieħor.

Il-konferenza kellha żewġ aspetti – l-ewwel is-survey li organizza dan l-MEP u t-tieni d-diskussjoni li saret fuq kif l-aħjar nipproteġu d-drittijiet tal-konsumaturi f’dan il-qasam.  Dawn id-drittijiet żgur ser ikunu l-bażi tad-drittijiet tal-konsumaturi fil-futur għax kif diġa’ ktibt il-qasam diġitali ser ikun il-bażi tad-dinja futura.

Is-survey kien interessanti għaliex kien dwar min l-aktar li juża s-social media, liema social media li tintuża, dwar kemm dawk li jużaw is-social media huma konxji kif l-informazzjoni li tinġabar qed tintuża u anki kemm in-nies qed jużaw is-social media.

Jekk inħarsu lejn id-diskussjoni l-aktar li laqtitni kienet il-parti kif l-aħjar niddefendu l-interessi tan-nies komuni f’dan il-qasam.  Ħarġu żewġ naħat – waħda li temmen li l-aħjar hu li nġibu lin-nies konxji tad-drittijiet li jkunu qed ineħħu minn idejhom u jgħadduhom lil dawk li jkunu qed jgħaddulhom programmi diġitali biex in-nies ikunu jistgħu jinqdew bihom.  Barra dan hemm  bżonn ta’ edukazzjoni biex in-nies ikunu jafu sew dak li jkunu qed jerħu minn idejhom u anki kif jistgħu jikkontrollaw dan. 

Is-sezzjoni l-oħra taċċetta dan kollu, iżda tħoss li dan mhux biżżejjed.  Jemmnu li hemm bżonn ta’ regoli biex iħarsu lin-nies minħabba diversi raġunijiet.  Fost dawn ir-raġunijiet insibu li dejjem ser ikollok numru ta’ nies li minkejja l-isforzi kollha dejjem ser jibqgħu lura u għalhekk dawn ikollhom bżonn li xi ħaddieħor jieħu ħsieb id-drittijiet tagħhom.  L-akbar grupp li ser ikun hemm fost dawn, żgur ser ikunu l-anzjani.  Dan mhux għax dawn in-nies huma injoranti, iżda minħabba li huma jkunu mdorrijin b’metodi u teknoloġija oħra. 

Raġuni oħra hi li biex in-nies ikunu konxji jkun hemm bżonn li mhux biss iżommu kuntatt kontinwu mat-teknoloġija iżda jridu jżommu ruħhom aġġornati fuq dak li jkunu qed jagħmlu bl-informazzjoni li jiġbru.  Din mhix ħaġa faċli lanqas għall-awtoritajiet stess aħseb u ara għaċ-ċittadini komuni.  Per eżempju, kemm hawn nies jafu li bl-informazzjoni li tinġabar fuq persuna, kumpanija diġitali tkun taf bil-burdata tiegħek.  Barra minhekk, l-informazzjoni li tinġabar tagħti indikazzjoni kemm int tkun lest li tonfoq u għalhekk il-prezz ikun differenti għal kull individwu skont dan it-tagħrif. 

Il-quddiem meta tidħol aktar l-użu tal-intelliġenza artifiċjali d-deċiżjonijiet ser jittieħdu fuq din l-informazzjoni li tinġabar fuqek.  Dan barra l-fatt li anki l-prezzijiet online li jkunu offruti lilek ikunu ippjanati fuq l-informazzjoni li jiġbru fuqek.

Peress li individwu hu impossibli li jkun jaf dan kollu u anki l-mezzi biex tikkontrolla l-użu għalxiex tintuża l-informazzjoni li tinġabar fuqu, hu importanti li jkun hemm regoli li jikkontrollaw lil dawn il-kumpaniji f’dan il-qasam.  Kien ta’ sodisfazzjon li nara li l-MEP Agius Saliba jemmen u qed jaħdem b’ilsienu barra biex jara li fuq livell Ewropew ikun hemm dawn ir-regolamenti li jipproteġu lin-nies.  L-istess kien ta’ sodisfazzjon li l-MEP li kien hemm mistiedna Alexandra Geese qed taħdem ukoll fuq l-istess linja.

Fuq in-naħa l-oħra li r-rappreżentanti tar-regolaturi li kienu mistiedna kienu jidhru li ma tantx jaqblu li jkun hemm regolamenti kien ta’ diżappunt kbir għalija.  Ir-raġuni hi li jkun hemm regolamenti hu pass importanti imma mhux biżżejjed.  Biex dak li trid il-liġi jintlaħaq irid ikun hemm min jara li l-liġi qed tkun osservata.  Dan id-dmir jaqa’ fuq ir-regolaturi.  Issa meta tara lir-rappreżenanti tar-regolaturi mhux konvinti li għandu jkun hemm regolamenti, kif jista’ wieħed ikollu fiduċja li ser ikun hemm min ser jagħmel ħiltu biex jara li l-liġi  u li d-drittijiet ta’ dawk li jużaw is-social media ser ikunu imħarsa!

Is-Saltna tad-Dritt

Kien dan l-aħħar snin li dan il-prinċpju tela’ fil-wiċċ.  Qabel kollox kien jibqa’ għaddej.  Ħadd f’Malta ma kien jitkellem meta kien ikun il-Prim Ministru li jaħtar lill-ġudikanti jew lill-Kummissarju tal-Pulizija.  Lanqas ma kien hemm barra minn Malta li kien jikkritikana sew qabel ma dħalna fl-UE u sew wara.  Biss din mhix xi eċċezzjoni.  Wieħed jiftakar kif kienet ittrattata l-Greċja.  Sakemm kien hemm gvern tan-naha tal-Lemin kollox jgħaddi.  Dan qed narawh illum b’dak li qed jiġri sew fl-Ungerija, il-Polonja u sew fil-Bulgarija.  Biss kif jinbidel il-gvern u jkun hemm gvern Xellugi kollox jinbidel f’daqqa.  U hekk ġara Malta.  F’daqqa waħda ħlief ħmieġ fuq Malta ma ntefax sew min-numru ta’ mexxejja Ewropej u sew min-numru ta’ Maltin li suppost qegħdin hemm biex jiddefendu lil Malta.  Li tiskanta b’dawn tal-aħħar, peress li huma mal-lemin estrem, issib li mbagħad jiddefendu lil dawk il-pajjiżi li qed iħaddmu l-Faxxiżmu modern bħal l-Ungerija u l-Polonja.

F’Malta l-maġġoranza tal-ġurnalisti kienu wkoll qabżu u ħlief jitkellmu fuq in-nuqqas tas-Saltna tad-Dritt m’għamlux.  Sadanittant, riformi saru u dawn ir-riformi tista’ tgħid kellhom għan wieħed – dak li jnaqqsu l-poteri tal-Prim Ministru.  U hekk ġara għaliex per eżempju, il-Kummissarju tal-Pulizija m’għadux jingħażel mill-Prim Ministru.  Dan barra li kullħadd kellu għajnejh fuq jekk il-Prim Ministru kienx qed jinfluwenza x-xogħol investigattiv tal-Pulizija. 

Biss imbagħad dan kollu ninsewh f’tebqa t’għajn.  Nhar it-Tlieta l-Prim Ministru kellu konferenza stampa dwar il-proklama li ngħatat lil wieħed mill-akkużati fil-qtil ta’ DCG.  Ħafna mill-mistoqsijiet tal-ġurnalisti kienu dwar l-investigazzjoni tal-Pulizija u meta l-PM qallhom biex dan isaqsuh lill-Kummissarju tal-Pulizija peress li hu ma jindaħalx fl-investigazzjonijiet li jkunu qed isiru, ħafna minnhom kienu qieshom irrabjati għaliex ma tax l-informazzjoni li riedu.  

Li skantajt kien kif dawn kienu qed jistennew l-informazzjoni mingħand il-PM meta huma stess ħadmu biex jiżguraw li l-PM ma jindaħalx f’dawn l-affarijiet.  Barra minhekk skantajt ukoll għaliex kien hemm min ipprova jħammeġ lil-PM għaliex qabel ma kellu karigi amminstrattivi pubbliċi kien iddefenda lil xi wieħed li kien arrestat riċentament.  Naħseb li r-risposta li ta l-PM kienet tajba ħafna.  Dik kienet prova li hu ma jindaħalx fl-investigazzjonijiet.

Ministru tal-Finanzi

Waħda mit-tibdiliet li saru dan l-aħħar kien li s-sur Clyde Caruana laħaq Ministru tal-Finanzi – kariga importanti ħafna fi kwalunkwe gvern.  Is-sur Caruana ġie kkritikat għaliex qalu li m’għandux esperjenza f’dan il-qasam. 

Hawn nerġgħu naraw li f’moħħ il-politikanti għadha dejjem f’moħħhom li r-regoli huma biss għal-Laburisti.  L-ewwel ħaġa ma nistax nara kif nista’ nikkritika lis-sur Caruana li m’għandux esperjenza u għalhekk mhux tajjeb biex jieħu kariga, meta jien għażilt mexxej li għada pitgħada jista’ jkun Prim Ministru meta dan qatt ma okkupa xi kariga pubblika, la qatt kien Ministru u lanqas biss kien Membru Parlamentari u dam snin ma jħallas taxxa.  Kif nista’ nikkritika lil ħaddieħor meta fi żmien GonziPN, għal snin sħaħ, il-Prim Ministru Gonzi kien ukoll Ministru tal-Finanzi meta lanqas biss kellu degree f’dan is-suġġett?! Jien biss nista’ naċċetta din is-sitwazzjoni meta nkun f’pożizzjoni li nitkellem il-ħin kollu fuq is-saltna tad-dritt u mbagħad m’iniex lest li naċċetta li dak li nistenna mingħand ħaddieħor ma nistennihx mingħandi stess. 

Issa dan insejna li snin ilu s-sur Caruana kien is-Sindku ta’ Ħaż-Żabbar, kellu suċċess meta għamel żmien fl-Istatistika u kellu suċċess f’Jobs plus għax kompla jiżviluppa u jsaħħaħha filwaqt li min maqdru lanqas Kunsillier qatt ma laħaq. 

Share With: