“Diskriminazzjoni inaċċettabbli u ta’ min jikkundannaha”

Josef Bugeja, Segretarju Ġenerali tal-GWU, jgħid li sħubija f’unjin tevita l-abbuż u se toħroġ liġi għal kumpaniji fejn m’hemmx rappreżentanza

Minn – CARMEN CACHIA

Minkejja li n-nisa tul is-snin urew bil-fatti li huma kapaċi fil-linja tax-xogħol li jagħżlu, statistika maħruġa bil-bidu ta’ din il-ġimgħa fl-okkażjoni ta’ Jum il-Mara turi li s-sess femminili huwa mħallas inqas minn dak maskili minkejja li jagħmlu l-istess xogħol. Fl-2019 madwar 57% tal-gradwati kienu nisa u minkejja dan, il-valur tax-xogħol tal-mara f’Malta huwa ta’ aktar minn €3,000 fis-sena inqas minn dak tar-raġel. Dwar din id-diskrepanza fil-pagi L-ORIZZONT tkellem mas-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union (GWU), Josef Bugeja, fejn ikkonferma li din it-tip ta’ differenza fil-pagi ssir u li hija diskriminazzjoni lejn in-nisa.

“Li jkollok €3,000 inqas m’hiex aċċettabbli u hija kundannabbli. Ili ngħid fuqha. Li fit-2021, xi ħadd jiddiskrimina paga abbażi tal-ġeneru, hija tal-mistħija”. Hekk saħaq Josef Bugeja dwar id-differenza fil-pagi bejn iż-żewġ sessi fejn beda biex jiċċara d-differenza li hemm bejn il-Gender Pay Gap u din il-kwistjoni ta’ ħlas inqas lill-mara minkejja li tagħmel l-istess xogħol, bl-istess kundizzjonijiet ta’ kollega raġel.

Ħlas ugwali għal xogħol tal-istess valur

Bugeja qal li, “hemm differenza bejn mara li taħdem full time jew li taħdem fuq bażi part time. Fuq bażi part time, ovvjament, il-paga tkun komparata ma’ min huwa full time imma skond is-sigħat ta’ xogħol involuti, iżda meta għandek l-istess sigħat ta’ xogħol u tal-istess valur, irid ikun hemm ħlas ugwali għax inkella jkun hemm diskriminazzjoni”.

Il-gender pay gap hija meta tqabbel it-total ta’ kemm jaqilgħu n-nisa u tipparagunah mat-total ta’ kemm jaqilgħu f’daqqa l-irġiel. Id-differenza ta’ bejniethom huwa dak li nsejħulu l-gender pay gap. 

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU qal li min-naħa l-oħra, id-diskrepanza fi ħlas ta’ pagi fl-istess linja u taħt l-istess kundizzjonjiet mhix gender pay gap, iżda diskriminazzjoni kontra n-nisa. “Għandek nisa li huma fl-istess impjieg tal-istess valur ikkomparat mal-irġiel, imma jkunu mħallsin inqas. Dan huwa abbuż għax il-liġi hija ċara – ‘ħlas ugwali għal xogħol tal-istess valur’,” kompla Bugeja.

Huwa qal kif f’kull ftehim kollettiv li jsir mill-GWU, ma jkunx hemm distinzjoni bejn min huwa l-ħaddiem u jekk huwiex raġel jew mara, imma l-ħlas jingħata fuq il-valur tax-xogħol li jagħmlu. Sostna li, “jieħu min jieħu x-xogħol, iridu jitħallsu l-istess biex ma jkunx hemm diskriminazzjoni. Jekk ikun hemm ħlasijiet differenti, dawn iridu jaslu maż-żmien kif tgħid il-liġi”.

Negozjar bil-moħbi tal-pagi…

Is-Segretarju tal-GWU qal li f’xi postijiet fejn ma jkunx hemm rappreżentanza ta’ trejd unjin, jew ma jkunx hemm struttura ta’ pagi, jista’ jkun hemm negozjar bil-moħbi tal-pagi u hawnhekk, tista’ tirriżulata din id-diskrepanza. Huwa ġab l-eżempju tal-każ li qajjem “rebus sħiħ fil-BBC” fejn ġurnalista mara, għax sempliċiment hija mara, l-employer taha tali ħlas.

“Bil-Pay Transparency, li se tidħol fis-seħħ sentejn oħra, bilfors irid ikun hemm trasparenza. Jekk ħaddiema jkollha suspett li kollega jitħallas aktar minnha huwa l-employer li jrid jipprova lil dik l-impjegata li m’huwiex il-każ. Dan ifisser li jekk din il-ħaddiema tmur il-Qorti huwa min iħaddimha li jrid jipprova li ma ddiskriminax,” kompla Bugeja.

Huwa qal li bejn din is-sena u s-sena d-dieħla se tidħol ukoll il-“Predictable Transparency and Working Conditions” li fiha se jkunu wkoll indirizzati l-pagi. “Però, dawn l-abbużi jsiru fejn m’hemmx trejd unjin u l-uniku mod li tista’ timxi huwa li ssir leġislazzjoni kontinwa. Inkella, l-aħjar soluzzjoni li hemm, hija li kulħadd ikun membru f’unjin għax hekk, kulħadd ikun jaf il-pagi,” kompla s-Segretarju Ġenerali tal-GWU.

Fil-fatt fil-ftehim kollettiv il-pagi kollha joħorġu u kulħadd ikun jafhom. Fihom ikun hemm id-dettalji kollha u fejn wieħed jista’ jitla’ fil-gradi u l-massimu tal-paga. Bugeja qal li din il-liġi l-ġdida se tobbliga lill-employer biex fejn m’hemmx trejd unjin, iridu bilfors jiddikjaraw id-differenza. Fil-liġi attwali diġà hemm li ma jistax ikun hemm ħlas inqas għall-istess xogħol imma din tiġri xorta u l-aktar li tiġri huwa fis-setturi ta’ trading, finanzi u tal-assikurazzjoni.

Is-snin ta’ esperjenza jżidu fuq il-valur tax-xogħol

“Jien nista’ nħallas impjegat aktar mill-ieħor, imma rrid nuri li dak imħallas iżjed għandu abiltajiet iżjed mill-ħaddiem l-ieħor. Hawn jidħlu in konsiderazzjoni anke s-snin ta’ esperjenza fuq il-linja tax-xogħol għax dan iżid il-valur tal-ħaddiema u din hija bil-liġi wkoll. Għalhekk, li jkun hemm diskriminazzjoni a bażi  tal-ġeneru, hija llegali,” enfasizza Bugeja.

Huwa qal kif qabel kien ikun diffiċli li tidħol b’każijiet bħal dawn fil-Qorti minħabba li l-employer ma kienx jagħti l-informazzjoni relatata u kienet il-persuna li trid iġġib il-provi. Iżda issa, kif ġejja l-liġi, irid ikun l-employer bilfors li jippruva li ma kienx hemm diskriminazzjoni bejn l-impjegata mara u l-impjegat raġel.

“Din ilna nitkellmu fuqha u ilha biex tiġi indirizzata. Kien hemm anke diskussjonijiet biex indaħħlu l-mudell tal-Iżlanda. Issa bid-direttiva li ħarġet, il-postijiet tax-xogħol iridu jikkalkolaw jekk hemmx gender pay gap ukoll. Fejn jidħlu kumpaniji kbar b’250 ħaddiema m’hemmx problemi għax hemm ftethim kollettiv,” żied is-Segretarju Ġenerali tal-GWU.

“Il-paga ma tinħadimx fuq il-persuna, iżda fuq il-grad”

Mistoqsi dwar x’tista’ tagħmel l-Unjin f’każi ta’ postijiet tax-xogħol li ma jkunux iridu juru l-pagi tal-ħaddiema u jitolbu mill-impjegati tagħhom biex l-ammont jibqa’ miftiehem fis-sigriet, Bugeja qal li f’postijiet tax-xogħol fejn m’hemmx rikonoxximent tal-unjin, ma jkun jista’ jsir xejn.

“Meta jiġi ħaddiem fuqi u jippreżentali l-każ tiegħu biex nirrappreżentah, jien nirrapreżentah kemm mal-employer, kif ukoll mat-Tribunal Industrijali. Għalhekk, fejn hemm ftehim kollettiv, m’hemmx din il-problema għax il-pagi huma dikjarati dejjem u għal kulħadd. Il-paga ma tinħadimx fuq il-persuna, iżda fuq il-grad,” kompla Bugeja.

Din il-liġi l-ġdida se tobbliga fejn m’hemmx ftehim kollettiv. Kull min joffri mpjieg, id-direttiva tat-trasparenza fil-pagi tobbligah jiddikjara kemm se tkun il-paga u fl-istess ħin, l-employer m’għandux dritt jistaqsi kemm il-ħaddiem kellu paga qabel.

Din id-direttiva se ddaħħal id-dritt tal-informazzjoni biex l-impjegati jkunu jafu l-livell ta’ pagi, il-medja tal-pagi u l-ħlas li se jkun offrut mill-employer. F’każi ta’ diskriminazzjoni fi ħlas ta’ pagi  Bugeja qal li, “l-impjegat li jkun iddiskriminat irid ikun ikkumpensat u dan jinkludi d-differenza fil-pagi b’lura. It-Tribunal Industrjali jrid jara x’tilfet dik il-ħaddiema fil-konfront tal-ħaddiem raġel li jagħmel l-istess xogħol, kif ukoll kumpens għad-diskriminazzjoni li sofriet”.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU temm jgħid li apparti minnhekk, jekk l-employer jinstab ħati ta’ diskriminazzjoni, jista’ jeħel ukoll il-multi.

Share With: