DEJN RAS IMB’RAS

Miktub minn Alfred Sant

L-“Irish Times” dil-ġimgħa kellha artiklu dwar kif l-Irlanda llum tinsab fil-pożizzjoni li ras imb’ras taċ-ċittadini li jgħixu fil-pajjiż, id-dejn nazzjonali sar l-aqwa wieħed fl-Ewropa. Se jlaħħaq €48,291 għal kull ċittadin, aktar mill-medja Ewropea bi kważi $ 20,000. Il-gvern Irlandiż daħal għal ħafna aktar dejn fuq dak li diġà kien qed iġorr mill-kriżi tal-2008 – 2010 biex jilqa’ għall-kriżi tal-Covid-19.

Il-kejl ta’ fejn jinsab id-dejn nazzjonali fuq il-bażi tal-piż li nġorru ras għal ras pajjiż pajjiż, ma tantx isir. Aktar imdorrija nisimgħu li d-dejn jitkejjel mad-daqs tal-ekonomija. 

Fl-aħħar snin kien aktar diffiċli tagħmel kalkolu “serju” dwar hekk għal Malta, speċjalment minħabba ż-żieda sostanzjali ta’ barranin jgħixu fostna. Dawn il-barranin għandhom jingħaddu fin-numru ta’ nies li qed “iġorru” l-piż tad-dejn?

Hu kkalkolat li d-dejn nazzjonali ras għal ras ta’ Malta ilaħħaq mad- €19,360 – ikkalkolat bir-rati ta’ kambju tal-lum. Malta bħall-pajjiżi Ewropej l-oħra kellha tissellef qatigħ ħalli tkun tista’ tilqa’ għall-pandemija.

ĦBIEB TAL-ĦBIEB

Il-kaċċa għall-“ħbieb tal-ħbieb” issa saret delizzju preferit ta’ numru ta’ ġurnalisti. Hi ħaġa ċara li għandna bżonn innaddfu lil dal-pajjiż mix-xbieki ta’ kunflitti ta’ interessi li jinsabu kullimkien. U ilna b’dan il-bżonn.

Żgur ma żbroffax fis-snin tat-tmexxija Laburista. Għal snin twal meta konna fl-Oppożizzjoni, sħabi u jien insistejna fuq kif u kemm ir-rabtiet tal-ħbieb u anqas ħbieb kienu jiddeterminaw ħafna mid-deċiżjonijiet li jittieħdu. Dak iż-żmien, l-istess ġurnali u ġurnalisti li llum mhux ħlief jagħfsu fuq il-kwistjoni kienu jinorawna, jiddieħku bina, jiżvalutaw dak li konna nuru u jippromwovu l-messaġġi ta’ min kien qiegħed iħokk dahar in-negozjanti.

L-ironiji tal-ħajja fis-soċjeta umana ma jintemmu qatt.

FAMILJA RJALI

Kont bqajt ferm impressjonat bil-professonalità u l-kordjalità meqjusa tal-familja rjali Brittanika meta ġejt mistieden għal ikla privata magħhom, ilu ħafna, flimkien ma’ rappreżentant mill-Barbados. Preżenti kien hemm ir-Reġina Eliżabbetta, l-Prinċep Filippu u r-Reġina Omm. L-ikla kienet tassew privata fis-sens li ma kien hemm bżonn tal-ebda diskorsi formali. Il-konversazzjoni kienet waħda informali għall-aħħar. Bla xniexel imma b’simpatija.

Hu għalhekk li niddejjaq naqra u nisma’ bil-“praspar” tal-ġenerazzjoni attwali tal-istess familja. Min-naħa, l-irjali tal-lum jilmentaw dwar kif il-midja ma jħalluhomx bil-kwiet u ħlief melodrammi dwar dad-disturb ma jagħmlux. U min-naħa l-oħra tarahom joħolqu stejjer biex iżommu l-attenzjoni fuqhom u biex il-midja jirrapportawhom b’mod sensazzjonali. 

Dnub li s-sens ta’ dover nazzjonali li r-Reġina Eliżabbetta dejjem uriet matul ħajjitha twila qed jiġi mwarrab u mħassar b’dal-mod. U qed ngħid dan jien, li ma nemminx fil-monarkiji!

Share With: