“Degiorgio qabbad flixkun żgħir bil-petrol biex jgħaġġel il-proċess tal-bomba”

Illum se jitressqu quddiem il-qorti l-erbat irġiel akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia li seħħ fl-2017 u dak tal-Avukat Carmel Chircop li seħħ fl-2015.

Il-kumpilazzjoni kellha tibda l-ġimgħa li għaddiet, iżda l-Maġistrat Nadine Lia rrikużat ruħha milli tisma’ l-kawża wara talba li saret mill-avukat li qiegħed jidher għall-familja tal-vittma tal-2017.

L-erbat rġiel huma l-aħwa Robert u Adrian Agius, magħrufa bħala Ta’ Maksar, seħibhom Jamie Vella, kif ukoll George Degiorgio magħruf bħala ċ-Ċiniż.

Jibda jixhed is-Supretendent Arnaud b’rabta mal-omiċidju tal-avukat Carmel Chircop

Fl-aħħar seduta l-ġimgħa li għaddiet il-Maġistrat Nadine Lia rrikużat ruħha milli tisma’ l-każ, u għalhekk illum għandu jinstema’ quddiem ġudikant ieħor.

Wieħed mill-akkużati Jamie Vella ma kienx preżenti l-ġimgħa li għaddiet billi kellu l-Covid-19. Illum qiegħed fl-awla, liebes ilbies protettiv abjad u bilqiegħda ftit ‘il bogħod mill-akkużati l-oħra bħala prekawzjoni kontra t-tixrid tal-virus.

L-ewwel xhud tal-lum huwa s-Supretendent Keith Arnaud, li qed imexxi l-investigazzjonijiet b’rabta mal-omiċidji. Jibda jixhed fuq il-qtil tal-Avukat Carmel Chircop li seħħ fit-8 ta’ Ottubru tal-2015.

Arnaud qal li hu kien ġie infurmat għall-ħabta tas-7:15 a.m li Chircop kien instab maqtul fil-bieb tal-garaxx tiegħu f’Birkirkara.

Is-Supretendent qal li l-katavru kien wiċċu ‘l fuq, tliet kwarti ta’ ġismu ġol-garaxx. Mill-pexxun ‘l isfel barra fil-komun. Maġenb il-katavru kien hemm bagalja u mowbajl.

Xi ġirien semgħu madwar ħames tiri, mat-tokki tas-7am, jew ftit qabel. 

Kien qertu Austin Grixti li daħal fil-binja u sab il-katavru mal-art u informa lill-pulizija.

Mill-awtopsja ġie kkonfermat li l-Avukat Chircop kellu tmien feriti ma’ ġismu kkawżati minn tiri.

Il-pulizija bdew jiġbru l-filmati tal-kameras fiż-żona. Mill-filmati miġburin raw karozza dieħla fit-triq fejn seħħ il-qtil u dehret ħierġa ’l barra ftit tal-ħin wara.

Ix-xhud jgħid li l-pulizija tkellmu ma’ mart il-vittma, li tathom aċċess għall-uffiċċju tal-vittma li kien jinsab fl-istess lokalità kif ukoll xi proprjetajiet oħrajn.

F’Lulju tal-2015, Chircop kien ħa lil martu miegħu Baħar iċ-Ċagħaq biex jiltaqgħu ma’ Adrian Agius li kellu jagħtih xi flus. 
Agius offrielu proprjetà minflok il-flus li kellu jagħtih, iżda l-mara tatu parir biex ma jaċċettax.

Il-vittma kien iħobb imur jieħu kafè n-Naxxar. Darba minnhom il-mara kienet miegħu, u ġie Agius. 

Semgħet lil żewġha jistaqsi lil Agius jekk huwiex se jatih il-flus, u Agius wieġbu bil-kliem “Missek ħadt il-villa.”

Skont l-informazzjoni tal-mowbajls, l-aħħar kuntatt telefoniku bejn Agius u Chircop seħħ fil-5 t’Ottubru, jumejn qabel inqatel Chircop.

Mart il-vittma infurmat lill-Pulizija li Agius kien għaddilhom il-flus iżda kien taha anqas milli kellu jagħtihom.

Adrian Agius kien intalab imur id-Depot biex jiġi mitkellem. Huwa kien irrifjuta u għaddielhom stqarrija awdjoviżiva. Huwa ċaħad li kien involut fil-qtil u filwaqt li kkonferma li l-avukat beda jfittxi għall-flus, qatt ma kien hemm xi argument sħun bejniethom.

Meta seħħ il-qtil, Adrian Agius siefer, sal-11 t’Ottubru. Qal li sar jaf b’dak li seħħ permezz ta’ martu mal-wasla tiegħu f’Malta.

Arnaud kien staqsa għaliex kien qed ikun ma’ George Degiorgio ċ-Ċiniż. Agius ikkonferma li kien jafu, imma ċaħad li kellu xi forma ta’ negozju miegħu.

Arnaud jgħid li l-pulizija skopriet li l-qtil kien ikkummissjonat mill-aħwa Adrian u Robert Agius, iżda ma kellhiex evidenza biex tissustanzja dan. Fil-ġimgħat li għaddew, Vince Muscat għamel talba għall-proklama u qal li jista’ jitkellem fuq dan il-każ.

Il-Koħħu allega li kien offrut €20,000 għall-involviment tiegħu fil-qtil tal-avukat Chircop

Fix-xhieda tiegħu, Vince Muscat qal li kien wieħed mit-tliet persuni fuq ix-xena tad-delitt li sparaw u qatlu lill-Avukat Carmel Chircop. 

Skont ma kompla jgħid Muscat, meta nqatel Chircop, il-karozza saqha George Degiorgio, u fuq wara tal-karozza kien hemm Jamie Vella. 

Degiorgio kien allegatament informa lil Muscat li l-qtil kellu jkun minħabba ammont ta’ flus li Adrian Agius kellu jagħti lill-avukat. Huwa kien offrut €20,000 u l-pjan kien li jisparawlu minn ġol-vettura.

Arnaud jixhed dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia

Vince Muscat ta informazzjoni lill-pulizija fuq il-mod kif inqatlet Daphne Caruana Galizia u fuq kif Agius u Vella provdew lill-akkużati bil-bomba li finalment qatlitha.

Is-Supretendent jibda jixhed fuq l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Arnaud isemmi l-esperti li għenu f’din l-investigazzjoni, inkluż tal-FBI u tal-Europol. Mill-investigazzjonijiet li saru ġew stabbiliti s-SIM card li kien hemm ġol-mowbajl u mowbajls oħrajn li ntużaw mill-akkużati l-oħra.

Fost informazzjoni li diġà ħarġet fis-seduti ta’ qabel, Arnuad spjega dwar kif persuna tat informazzjoni dwar vettura f’Tarġa Battery li kienet innotat vettura suspettuża u li taħt siġra fiż-żona kien nstab sigarett li mid-DNA nstab li qabel ma’ ta’ wieħed mill-akkużati.

Fl-4 ta’ Diċembru tal-2017, Agius, ħuh Adrian Agius u Vella kienu ġew arrestati imma dakinhar ma kien irriżulta xejn mill-interrogazzjonijiet u kellhom jiġu rilaxxati.

Arnaud kompla biex jgħid li dak li qal Muscat fl-aħħar jiem jaqbel mal-evidenza li għandha l-Pulizija.

Il-Koħħu kkonferma wkoll mal-pulizija li dak il-post fil-Bidnija fejn instabu l-fdalijiet tas-sigarett kien wieħed mill-postijiet minn fejn kienu jsegwu l-movimenti tal-vittma. 

Skont Arnaud, Muscat spjegalhom x’ġara dakinhar tal-qtil u qalilhom li l-bomba ngħatat lilhom minn Robert Agius u Jamie Vella.

Agius u Vella kienu provdewlhom xi armi, li waħda minnhom kienet maħsuba li se tintuża biex joqtlu lil Caruana Galizia. 

Kienu resqu qrib ir-residenza tagħha, u kienu qed jippjanaw biex jisparawlha minn żona fejn il-vittma kienet tidher fit-tieqa tad-dar tuża l-laptop.Skont ma’ ħareġ mix-xhieda ta’ Muscat, George Degiorgio dejjem xtaq juża bomba minflok.

Muscat kien offrut somma ta’ flus biex ma jikxifx iżda rrifjuta

Wieħed mill-qraba tal-Koħħu kien avviċinat minn persuna li identifikat ruħha bħala Jamie. Ħadu ħdejn ċertu Robert u talbu jgħaddi messaġġ lil Vince Muscat biex ma jsemmihomx mal-pulizija jew fil-qorti, u ta’ dan offrewlu €1,500 fix-xahar. Meta wasallu l-messaġġ, Muscat irrifjuta l-offerta. 

Oġġetti elevati waqt l-arresti fil-Baħrija

Arnaud jkompli jixhed u jgħid li hu ma kienx preżenti fl-arresti. Żied jgħid li fil-vettura ta’ Adrian Agius instabet droga u li f’dik ta’ Robert Agius instabu €45,000 flimkien ma’ xi flus kontanti oħra li nstabu fir-residenza tiegħu fil-Baħrija.

Fl-arresti ttieħdu diversi oġġetti elettroniċi mir-residenzi tat-tliet persuni, li qegħdin jiġu investigati. 

Fis-seduta li jmiss, Arnaud għandu jippreżenta l-istqarrijiet li ħa fl-2017 ta’ Jamie Vella u Robert Agius dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Is-Supretendent itemm ix-xhieda tiegħu fuq iż-żewġ każi.

Degiorgio qabbad flixkun żgħir bil-petrol biex jgħaġġel il-proċess tal-bomba

Degiorgio kien qabbad mal-bomba flixkun żgħir tal-ilma mimli bil-petrol biex dan jgħaġġel il-proċess, biex taqbad aktar malajr. Skont ma qal Robert Agius quddiem Muscat, il-bomba kien fiha madwar 500 gramma ta’ splussiv. Il-Koħħu qal lill-pulizija li l-bomba kienet daqs karta A4 mitwija darbtejn, u tahom id-dettalji ta’ kif spjegawlhom li għandhom jattivaw il-bomba. 

Muscat qal ukoll li l-ħsieb kien li jaġixxu meta l-vittma tkun il-Belt Valletta, iżda meta dan il-pjan ma kienx possibbli, il-bomba kienet ġiet irritornata lejn il-garaxx fin-Naxxar.

Share With: