Daphne kellha tinqatel… anke jekk magħha jkun hemm persuni oħra

Fil-ħin li ġej, Vince Muscat magħruf bħala l-Koħħu, mistenni jixhed kontra l-aħwa George u Alfred Degiorgio fil-kumpilazzjoni ta’ evidenza dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

George Degiorgio ċ-Ċiniż u ħuh Alfred Degiorgio l-Fulu qegħdin ikunu akkużati li poġġew il-bomba li qatlet lil Daphne Caruana Galizia fis-16 ta’ Ottubru tal-2017.

Vince Muscat il-Koħħu kien it-tielet akkużat bil-qtil, żda fit-23 ta” Frar li għadda hu ngħata sentenza ta’ 15-il sena ħabs wara li wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontrih f’dan il-qtil.

“Nixtieq nitlob apoloġija lill-familja ta’ Daphne Caruana Galizia … ammettejt u ngħatajt is-sentenza”

Hekk kif se jibda bix-xhieda tiegħu, l-Koħħu jidher fl-awla mdawwar minn tliet uffiċjali tas-sigurtà u liebes ukoll ilbies protettiv.

Minħabba raġunijiet ta’ saħħa, ix-xhud talab li jixhed bilqiegħda. Huwa talab ukoll li jneħħi l-maskra biex ikun jista’ jinftiehem aħjar u kien għalhekk li ġie pprovdut visor.

Huwa beda din ix-xhieda tiegħu billi talab apoloġija lill-familja tal-vittma Daphne Caruana Galizia. Huwa beda biex jispjega li lill-aħwa Degiorgio ilu jafhom mal-35 sena.

Il-Koħħu qal li hu sar jaf lil Theuma mill-Ħamrun u minn postijiet oħra. Tkellem dwar meta Alfred Degiorgio qallu dwar dak li kien qiegħed jitlob Theuma; il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Qal li fil-bidu tal-laqgħat tagħhom ma kienx hemm qbil dwar il-pagament u li l-aktar importanti kienet li tiġi maqtula Daphne.

Qabel l-elezzjoni tal-2017, ix-xhud saq lil Degiorgio lejn il-Busy Bee u baqa’ fil-karozza jistennih għal madwar tliet kwarti jew ftit aktar. 

Kif marru lura fit-tinda tal-patata qablu li biex isir il-qtil jitolbu €150,000.

Il-Koħħu jkompli jgħid li hu qatt ma kellmu l-Busy Bee, iżda li Degiorgio kien jgħidlu b’kollox. L-ewwel ħsieb kien li jidentifikaw post minn fejn l-aħjar li jisparawlha u li George kellu jispara.

Ġimgħatejn jew 3 ġimgħat mill-elezzjoni, Alfred Degiorgio kien qallu li Melvin Theuma kien qallu biex imexxi u kien qallu li jridu jmorru l-Busy Bee biex jiġbru d-depożitu ta’ €30,000.

Il-Koħħu jitkellem dwar meta marru jduru biex jaraw fejn toqgħod il-vittma u jaraw kif jistgħu jaċċessaw id-dar.

Huwa spjega li l-ewwel darba li mar ma’ Alfred Degiorgio l-vittma kellha l-karozza pparkjata barra, iżda li qatt iżjed wara dakinhar ma kienet ħallietha barra.

Tkellem dwar ix-xiri ta’ erba’ mowbajls u li s-sid tal-ħanut ma kienx talabhom dettalji. Krew ukoll karozza f’isem Alfred biex ma jużawx il-vetturi tagħhom huma u jsegwuha. 

Ix-xhud spjega quddiem il-Qorti li kienu bdew jistudjaw il-passi tagħha mis-6:00 a.m u jibqgħu hemm sa tard billejl.

Qal ukoll kif ġurnata minnhom Alfred qallu li Melvin ried jgħaġġel għax il-vittma kienet se tippubblika xi ħaġa dwar il-persuna li ordnat il-qtil. Huma kienu ħadu lil Theuma biex ifhemuh għalfejn ma setgħux jipproċedu.

“Kont inpejjep mat-tliet pakketti sigaretti kuljum”

Muscat tkellem dwar sigħat twal fl-istess post u kif dak iż-żmien kien ipejjep mat-tliet pakketti sigaretti kuljum.

Muscat ikompli jispjega dwar kif waslu sa 3 metri bogħod minn fejn kienet qiegħda taħdem il-vittma. Kompla jirrakkonta dwar kif ltaqgħu f’garaxx ma’ Robert Agius u Jamie Vella f’garaxx u wrewhom l-armi. Qal li dawn it-tnejn kienu jafu bil-pjan tal-qtil u li kienu krew dan il-garaxx in-Naxxar biex ikun viċin tal-Bidnija.

Spjega li kien George li saqhom lejn il-Bidnija mill-garaxx tan-Naxxar u li kellhom kollox maħsub biex jinġabru bil-vettura ladarba jehilsu minn Daphne. George kien inkwetat li jitwaqqaf minn xi vettura tal-Pulizija. Jgħid li għalkemm ma ammettiex George dejjem kien ried li tintuża l-bomba minflok; bla ħoss u bla paniku.

Is-Supretendent Arnaud jistaqsi kif il-pjan kien mod ieħor minn kif kellhom f’moħħhom li joqtluha u hawnhekk Muscat wieġeb li ma kellhomx splussiv sa dakinhar.

Żied jixhed li Jamie u Robert Ta’ Maksar kienu jafu 100% x’kienu qed jippjanaw. Kont preżenti għad-diskussjonijiet bejn George u huma. 

Ġabru l-isplussiv u ħaduh fin-Naxxar. Kellha batterija mwaħħla magħha u kienet magħmula minn madwar 500 gramma ta’ ġelatina. Bdew jinkwetaw mill-batterija tagħha għax kienet żgħira u Muscat qal li George kien inkwetat li jiġri bħal każ ta’ Bone li baqa’ ħaj wara l-isplużjoni fl-Imsida.

Ix-xhud tkellem dwar ċaqliq tal-bomba min-Naxxar lejn Santa Venera għax kien hemm żmien fejn il-vittma kienet tkun il-Belt Valletta, iżda minħabba li hemm ikun hemm wisq nies kien pjan riskjuż. Tkellem ukoll dwar kif krew karozza simili għal dik li kienet tuża l-vittma minħabba li kienu pjanaw li l-bomba titpoġġa taħt is-seat.

Tkellem dwar kif komplew isegwu lil Galizia u li kellhom anke informazzjoni mingħand Melvin Theuma li kienet tkun f’kafetterija fin-Naxxar. 

Muscat semma kif darba minnhom ċempillu Alfred u qallu li l-karozza tal-vittma kienet ipparkjata barra u qallu biex iniżżel il-bomba minn Santa Venera. 

Spjega dwar il-vjaġġ tiegħu bl-isplussiv u li kien proprju għall-ħabta tat-8:00 p.m jew id-9:00 p.m meta seħħ dan kollu. Kif iltaqgħu ħbew il-bomba f’post minħabba l-possibbilità ta’ xi roadblock u ppjanaw biex aktar tard jippjantaw il-bomba.

Kienu xi nofsillejl meta marru biex jagħmlu dan u George Degiorgio kellu jistennihom l-Marsa. 

Alfred Degiorgio kellu jippjanta l-bomba taħt is-seat

Il-bomba kellha titqabbad fil-post u meta jintbagħat il-messaġġ kienet tisplodi. Waslu viċin il-karozza billi għaddew minn qalb xi pjanti, Alfred fetaħ it-tieqa tax-xellug fuq in-naħa ta’ wara. Fetaħ il-bieba wara s-seat tal-karozza u poġġa l-bomba taħt is-seat tax-xufier. 

Skont il-pjan, George kellu l-mowbajl li minnu kellha tiġi attivatà l-bomba. Alfred kellu jċempillu fuq il-mowbajl li ma kienx traċċabbli u jgħidlu biex jibagħat il-messaġġ li kellu jattiva l-bomba.

Dakinhar tal-qtil, George kellu jirċievi s-sinjal biex jattiva l-bomba. Kellu jirċievi s-sinjal “now”. Kollox kien sejjer kif pjanat, iżda ħin minnhom Galizia dehret iddur lura lejn id-dar. Daħlet u  Il-bomba ġiet attivata ftit qabel il-benniena tal-Bidnija.
Ħin minnhom Alfred deher konfuż għax beda jaħseb li ma ħaditx. Huwa qal li minkejja li ma semgħu xejn minn fejn kienu, seta’ jara d-duħħan.

Mistoqsi dwar il-kumplament tal-ġurnata, Muscat qal li kienu ltaqgħu kollha kemm huma taħt it-tinda tal-patata.

Alfred kien qallu li l-kumplament tal-flus kellhom jiġbruhom xi jumejn wara u hekk kien. Marru Wied il-Għajn u Degiorgio kien dam madwar nofs siegħa biex ġabar il-flus li kienu f’pakketti ta’ €5,000.

Tkellem dwar meta Alfred kien qiegħed jipprepara biex joħroġ jistad u daħlitlu informazzjoni dwar rejd li kellhom jagħmlulhom. Kienu jafu li sejrin għalihom xi ġimgħat qabel u kienu qablu li jagħtu l-marki tas-swaba’ u xejn aktar.

Muscat kompla bix-xhieda tiegħu fejn spjega li xi jiem qabel l-arrest l-aħwa bdew bħal donnhom jaqilbu d-diskors quddiemu. Melvin kien jgħaddi informazzjoni lill-Alfred u kien jgħidlu li kellu sors tajjeb.

Share With: