“Dan mhuwiex il-mument ta’ firda politika … Inħarsu ‘l quddiem li nkomplu noħolqu l-ġid” – Il-PM Robert Abela

Waqt id-diskors tiegħu aktar kmieni dalgħodu waqt attività politika speċjali f’Jum il-Mara, il-Prim Ministru Robert Abela qal matul din il-pandemija li laqtitna għall-għarrieda.

Abela qal li jemmen li b’ħafna ħidma matul dawn l-aħħar 12-il xahar, dan il-gvern irexxielu jipproteġi s-saħħa tal-poplu u għen b’miżuri li kienu kruċjali biex jiġu salvati l-impjiegi.

Abela qal li bħala Prim Ministru qatt ma aċċetta tbassir ta’ għexieren ta’ għeluf ta’ persuni qiegħda jew eluf ta’ persuni li kienu se jitilfu ħajjithom kawża ta’ din il-pandemija.

Huwa żied jgħid li f’dawn l-aħħar xhur il-frontliners għaddew minn pressjoni kbira u uħud minnhom spiċċaw mardu wkoll. Hawnhekk huwa sellmilhom u fakkar dwar l-importanza li nuru rispett lejn dawn in-nies.

Żied jgħid li hija weġgħa li jkollok tieħu numru ta’ miżuri li jkollhom impatt fuq sidien ta’ ristoranti, snack bars jew kiosks li jkunu investew fin-negozji tagħhom u għalhekk bħala gvern mhux biss estenda l-miżura tal-wage suppliment, iżda ta għajnuna addizzjonali biex tagħmel tajjeb għall-istock li laħaq inxtara.

Il-PM qal li fis-sigħat li ġejjin se nkunu qed nilħqu mira importanti ta’ 100,000 doża tal-vaċċin li qiegħed jitqies bħala s-soluzjoni kontra dan il-virus. Huwa appella biex nibqgħu nieħdu ħsieb lil xulxin fejn filwaqt li nattakkaw il-virus bit-tilqim, niddefendu lil xulxin billi nħarsu l-miżuri. 

Abela qal li l-mira ta’ dan il-gvern hu li jġib aktar vaċċini biex ikompli jlaqqam lill-poplu u għalhekk se jibqa’ jaħdem biex jiġu aktar konsenji tal-vaċċin.

Il-Prim Ministru Abela tkellem ukoll dwar ir-riforma fil-kirjiet ta’ qabel l-1995 hekk kif spjega li l-ebda Gvern ma ried jindirizza din il-problema. “Dan il-Gvern kellu l-kuraġġ li jagħmel dak li kien sewwa li jsir,” qal il-Prim Ministru hekk kif spjega li dan juri kemm verament Gvern Laburista għandu l-polz tal-poplu f’idu. Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-benefiċċju tal-kera li se jkun qed iħallas il-Gvern huwa ta’ massimu ta’ €10,000 fis-sena. Dan filwaqt li se jiżgura li l-awment fil-kera ma jikkunsmax aktar minn 25% tad-dħul tar-resident.

Huwa qal li settur agrikolu huwa pilastru importanti ħafna u għalhekk jeħtieġ li jiġi protett bl-istess mod. Huwa qal li dan il-gvern huwa senstittiv lejn il-bżonnijiet tan-nies u fakkar dwar il-preokkupazzjoni tal-poplu rigward il-provvista tal-produzzjoni tal-ikel fl-ewwel ġimgħat tal-pandemija.

F’messaġġ aħħari, il-PM qal li determinat li flimkien mal-gvern immexxi minnu se jibqa’ jassigura li jaċċellera r-rata li biha qiegħed jitlaqqam il-poplu tagħna. Huwa qal li eċitat biex jibqa’ jagħmel riformi kbar bħalma huma dawk tal-kirjiet u dik tal-kannabis. Abela qal li minkejja l-pandemija dan il-gvern għamel l-akbar baġit. Huwa temm jgħid li dan mhuwiex mument ta’ firda politika u għalhekk jeħtieġ li nemmnu fil-kunċett tal-aħna akbar mill-jiena.

Share With: