“Dan il-weekend hu mimli b’logħob li ser jiddeċiedi min jieħu promozzjoni, min jirbaħ il-league l-partitissima bejn Ħamrun u Hibernians… Iċċelebraw mal-familjari f’darkom”

Is-South End Core, is-sinsla tas-sapport Malti f’pajjiżna, appella biex dan il-weekend hekk kif huwa “mimli b’logħob li ser jiddeċiedi min jieħu promozzjoni, min jirbaħ il-league u ovjament il-partitissima bejn Ħamrun u Hibernians” il-partitarji rispettivi għandhom “jiċċelebraw mal-familjari” fi djarhom.

Il-grupp qal li huwa fid-dmir tagħhom li jwasslu dan il-messaġġ lill-partitarji kollha li fi tmiem il-ġimgħa se jilgħab it-tim tagħhom. Is-SEC qiegħed jagħmel dan l-appell hekk kif fil-passat diġà kien hemm xi partitarji li minkejja r-restrizzjonijiet xorta waħda nġabru f’folol kbar u ċċelebraw ir-rebħ tat-tim tagħhom.

Fuq il-paġna ta’ Facebook, is-SEC saħħew l-argument tagħhom billi  qalu li “biżżejjed niġu trattati mill-awtoritajiet bħala nies tat-tielet klassi. Ma nżidux ma’ li għandna diġà… Kunu responsabbli, iċċelebraw id-dar.”

Share With: