“Dak li allega fil-konfront tiegħi lbieraħ fil-Parlament l-Onor Azzopardi huwa għal darb’oħra ’l bogħod mill-verità”

Fi stqarrija maħruġa aktar kmieni s-Segretarju Permanenti elwieni Mario Cutajar ċaħad bl-iktar mod kategoriku u bla ebda riservi dak li allega dwaru l-Onor Jason Azzopardi ilbieraħ fil-Parlament.

Cutajar qal li mhux ir-rwol ta’ Kap tas-Servizz Pubbliku li jidħol f’kontroversji imma ma jistax ma jingħadx li din hija t-tielet darba li l-Onor Azzopardi ipprova jħammġu.

Cutajar għamel referenza għal meta Azzopardi allega u għamel storja li sar abbuż mill-pozizzjoni tiegħu għax żagħżugħ kien nominat f’bord governattiv ta’ entità pubblika għax jiġi minnu. Fil-fatt kellu biss l-istess kunjom tiegħu għax mill-bqija la kien jiġi minnu u lanqas biss kien jaf lill-persuna.

Darba oħra allega u għamel storja li sar abbuż mill-pożizzjoni tiegħu għax skontu impjega membru tal-familja tiegħu bħala person of trust malli sar Kap tas-Servizz Pubbliku.

Is-Segretarju Permanenti qal li l-fatti ppubblikati wrew li l-allegazzjoni tal-Onor Azzopardi kienet ferm ’il bogħod mill-verita ghax il-persuna kienet ilha impjegata tal-gvern u ġiet konfermata lura fl-impjieg mill-Amministrazzjoni preċedenti. “Iktar minn hekk irid jingħad li kienet taħdem fl-istess Ministeru li minnu kien inkarigat l-istess Azzopardi”, tenna Cutajar.

Intant, huwa spjega li l-ewwel każi li tressqu għandu bħala Kap tas-Servizz Pubbliku fl-2013 u li kienu jirrigwardaw uffiċjali pubbliċi kienu tnejn;

Wieħed kien jirrigwarda tbagħbis ta’ marki f’eżamijiet pubbliċi bl-allegazzjoni tindika li dan ġieli sar fuq direzzjoni mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru lill-eżaminaturi dirett u l-każ l-ieħor dwar abbuż, b’indħil ta’ persuni fl-amministrazzjoni ta’ qabel l-2013, tad-diskrezzjoni li tagħti l-liġi dwar it-taxxa lit-tmexxija ta’ dak id-dipartiment biex tiġi maħfura taxxa. 

Fiż-żewg każi u f’kull każ ieħor li sar naf bih wara dawn sa llum fl-ebda ċirkustanza ma kellu kuntatt jew indaħal b’mod dirett jew indirett anki bl-iktar mod remot possibbli fix-xogħol tal-Pulizija kemm jekk kien il-Kummissarju u kemm jekk kien l-uffiċjal investigatur.  “Dak li għal darb’oħra allega lbieraħ fil-Parlament l-Onor Jason Azzopardi fil-konfront tiegħi huwa għal darb’oħra ’l bogħod mill-verità”, temm jgħid Cutajar.

Share With: