Cyrus Engerer maħtur negozjatur tas-Soċjalisti fuq is-saħħa pubblika dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mill-asbestos

Il-Membru Parlamentari Ewropew tal-Partit Laburista Cyrus Engerer ġie maħtur bħala n-negozjatur tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew fuq il-protezzjoni tal-ħaddiema mill-asbestos fil-Kumitat għall-Ambjent u s-Saħħa Pubblika. 

“Pajjiżna kellu l-ogħla rata ta’ mard fl-Unjoni Ewropea relatat mal-asbestos. Illum għandna Gvern kommess li poġġa fuq quddiem nett mhux biss it-tneħija tal-asbestos minn fuq il-postijiet tax-xogħol, imma saħansitra qiegħed jagħti kumpens lill-ħaddiema tat-tarzna li kienu fost l-iktar affettwati f’pajjiżna,” qal Engerer.

Ir-rapport li qiegħed jiġi diskuss fil-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali se jkun qiegħed jingħata l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent u s-Saħħa Pubblika fejn Engerer ġie mogħti r-responsabilita’ biex imexxi ‘l quddiem il-ħsibijiet u jinnegozja f’isem is-Soċjalisti dan ir-rapport.

“L-asbestos fuq il-postijiet tax-xogħol ma kienx biss realta’ ta’ pajjiżna, iżda realta’ li esperjenzaw numru ta’ ħaddiema madwar l-Unjoni Ewropea.  Għad hawn numru ta’ postijiet tax-xogħol fejn dan il-materjal għadu preżenti u għaldaqstant, irridu naraw li l-ħaddiema kollha jiġu protetti mill-impatt ta’ dan il-materjal perikoluż fuq is-saħħa tal-bniedem,” saħaq Engerer.

Engerer ikkonkluda billi qal li bħala grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi “għandna għal qalbna l-interess tal-ħaddiema kollha madwar l-Unjoni Ewropea u għaldaqstant dan ir-rapport qiegħed jingħata importanza massima biex naraw li kull ħaddiem madwar l-Ewropa ikun jista’ jmur għax xogħol b’serħan il-moħħ.”

Share With: