Clyde Caruana jgħid li t-teleworking mhux dejjem ideali

Il-Ministru tal-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana sostna fil-Parlament li għalkemm it-telework jidher bħala soluzzjoni ideali hemm sitwazzjonijiet fejn joħloq diżgwid bejn il-ħaddiema.

Huwa rrimarka dan fis-seduta tal-lejla hekk kif kien qed iwieġeb domandi tad-deputat Nazzjonalista David Thake waqt il-ħin allokat għall-mistoqsijiet parlamentari.

Thake staqsa għaliex il-Gvern ma jħallix iktar nies jaħdmu mid-dar biex hekk jonqos it-traffiku u b’hekk tkun indirizzata l-isfida tat-tniġġiż tal-arja.

Caruana wieġbu li għalkemm fil-prinċipju mhux kontra, ħafna drabi t-telework joħloq problema għax ikollok nies li jistgħu jaħdmu mid-dar u oħrajn li bilfors ikunu jridu jidħlu xogħol.

Huwa semma kif anke unjins qed jaraw li din is-sistema toħloq problemi f’ċertu postijiet tax-xogħol hekk kif ikun hemm min jaħdem ‘front office’ li jitlob li jmur ‘back office’ biex anke huma jaħdmu mid-dar.

Waqt li qal li tajjeb li jinħoloq bilanċ, il-Ministru tal-Finanzi irreaġixxa għall-insistenza tad-deputat Nazzjonalista li l-Gvern isib soluzzjoni għal dan billi għaddilu botta li aktar ma jimmaniġġjax grupp ta’ nies biex qed jitkellem hekk.

Dwar is-sitwazzjoni finanzjarja ikkawżata mill-pandemija, Caruana qal li grazzi għall-politika fiskali aggressiva li mexxa l-Gvern il-qgħad żdied bi ftit meta mqabbel ma’ dak f’pajjiżi oħra.

Huwa qal li pajjiżna kien wieħed mill-iktar li nefaq biex jilqa’ għad-daqqa tal-pandemija u r-riżultat ta’ dan se jidher ix-xahar id-dieħel meta jkunu ippubblikati l-figuri finanzjarji tal-pajjiżi tal-UE.

Share With: