“Charlie kellu qalb kbira. Ma kienx jafx jgħid le lil kull min jitolbu l-għajnuna”

Tingħata l-aħħar tislima Charlie Attard li miet wara li ċeda saqaf fuqu

Ritratti: Joe Grech

Fil-Knisja Rotunda tax-Xewkija, Għawdex, ingħatat l-aħħar tislima lil Charlie Attard ta’ 52 sena, li miet il-Ħamis li għadda wara li ċeda saqaf ta’ latrina pubblika fuqu fid-Dwejra, Għawdex, waqt li kien qiegħed jagħmel xi xogħol ta’ manutenzjoni.

Fil-bidu tal-quddiesa tal-funeral, Mons. Ġorġ Mercieca ddeskriva lil Charlie bħala “wieħed mill-patrijotti kbar ġenwini tal-parroċċa”. Huwa qal li kull min kien jafu, jixhdu li Charlie kien bniedem tal-familja. Qal ukoll li martu u wliedu kienu l-“mimmi ta’ għajnejh.” 

Enfasizza li: “Charlie kien nisrani reliġjuż u prattikanti. Kien bniedem ta’ prinċipji u valuri, sew insara u sew umani. Kellu qalb kbira, dejjem disponibbli u ma jafx jgħid le lil kull min jitolbu l-għajnuna. Dejjem ġeneruż, kien tassew ħaddiem bieżel u ta’ kuxjenza.”

“Konna nsibu lilu u lil ħuh Pawlu għal kollox sew fit-tiżjin tal-armar tal-festa u sew fil-Knisja u anke barra mill-Knisja biex jagħmlu d-dawl tal-koppla.

“Il-festa ta’ San Ġwann il-Battista għalih kienet xi ħaġa speċjali. Konna nsibuh pront għall-manutenzjoni u għall-bżonn kollu li titlob il-Knisja tagħna. Inħossuna obbligatissimi lejn dan Charlie u ħuh Pawlu.

“Għalhekk, Charlie ngħidlek grazzi ħafna u grazzi mill-qalb ta’ kollox. Naturalment huma grati lejh ukoll bosta knejjes u kappelli f’Għawdex li fihom ħadem bil-qalb u bil-ferħ,” tenna Dun Ġorġ.

Intant, fl-omelija tiegħu, l-eks Ariċipriet tal-Parroċċa tax-Xewkija Mons. Carmelo Mercieca, semma kif Charlie l-gost tiegħu kien li jaħdem fid-dar ta’ Alla. Huwa qal li Charlie mhux ħadem fil-Knisja tax-Xewkija imma wkoll f’seba’ Knejjes oħra.

“Charlie u tant nies li ħadmu u ħallew din il-ħajja, dawn qegħdin f’idejn tajba. Min hu ġeneruż ma’ Alla, Alla bl-abbundanza jkun ġeneruż miegħu,” tenna Mons. Mercieca. 

Share With: