“Bżajt li dak li ġara fl-imgħoddi jerġa’ jirrepeti ruħu”

Il-Prinċep Harry jagħti ħjiel ta’ x’se jingħad fl-intervista tant mistennija ma’ Oprah

Minn Carmen Cachia

Il-personalità tant maħbuba u omm il-Prinċep Harry, Diana, hija fost is-suġġetti jaħarqu li se jintmissu fl-intervista esklussiva li se ssir minn Oprah Winfrey ma’ Harry u Meghan. Din l-intervista, li se tixxandar fl-Istati Uniti fis-7 ta’ Marzu, hija mossa li mhix nieżla tajjeb mill-familja rjali Ingliża minħabba li ma jridux li l-eks membri tagħhom jixkfu ċerti dettalji.

F’żewġ xandiriet qosra ta’ 30 sekonda l-waħda, id-Duka ta’ Sussex għamel paragun mal-mod kif kienet trattata ommu Diana u martu Meghan. Fl-intervista speċjali li mistennija tkun segwita minn miljun ta’ nies minn madwar id-dinja, Harry jagħti ħjiel ta’ x’wasslu biex iddeċieda li jitlaq lill-familja rjali – il-biżgħa li dak li ġara fl-imgħoddi “kien qiegħed jirrepeti ruħu”. 

Fil-filmat Winfrey tidher tistaqsi lil Meghan jekk kienx hemm sitwazzjoni fejn hija “għażlet li tkun siekta jew inkella sikktuha”, iżda d-Dukessa f’dawn iż-żewġ xandiriet ma tidhirx tirrispondi.

Għadu mhux magħruf jekk il-programm “Oprah with Meghan and Harry: A CBS Primetime Special” huwiex se jixxandar fir-Renju Unit u jekk iva, meta se tkun id-data.

Fil-programm sħiħ Meghan se titkelleem dwar il-ħajja miżżewwġa, l-esperjenza tagħha bħala omm, kif ħassitha bħala parti mill-familja rjali Ingliża u kif qiegħda tiffaċċja l-pressjoni kbira mill-pubbliku.

Il-Prinċep Harry kien diġà qal li huwa waqqaf l-impenji rjali tiegħu bil-għan li jipproteġi lilu nnifsu u lill-familja mill-ambjent “tossiku” li toħloq il-midja fir-Renju Unit.

Omm Harry, il-mibkija Diana, kienet neħħiet it-titlu ta’ Prinċipessa ta’ Wales wara li ħadet id-divorzju minn mal-Prinċep Karlu f’Awwissu tal-1996. Hija mietet sena wara f’inċident tat-traffiku li seħħ taħt mina f’Pariġi.  

Fil-filmati qosra li jservu bħala introduzzjoni ħafifa tal-intervista sħiħa, Harry jirrakkonta kemm kien diffiċli għalih u għal ħuh William li jitilfu lil ommhom iżda jgħid ukoll li żgur kien diffiċli aktar għal Diana li kienet waħdiha f’dak il-perjodu turbolenti meta telqet mill-familja rjali. 

Huwa qal lil Winfred li, “l-akbar tħassib tiegħi kien li dak li ġara fl-imgħoddi, jerġa’ jirrepeti ruħu. Għalija, inħossni rilassat ħafna u kuntent li ninsab bilqiegħda hawn nitkellem miegħek b’marti ma’ ġenbi”.

Share With: