Byron Camilleri: “infurzar dwar il-Covid-19 qed isir ħafna”; Fl-ewwel xahrejn tas-sena nħarġu 2,300 ċitazzjoni fuq ksur tar-regoli
Il-ministru responsabbli mill-infurzar tal-liġijiet Byron Camilleri jemmen li qed isir ħafna infruzar b’rabta mal-miżuri tal-Covid-19.
Wara li fl-aħħar ġimgħa żdiedu l-każijiet ġodda kienu bosta li qajmu dubju kemm l-infurzar qed isir jew kemm isir biżżejjed.
Ritratti fuq il-media soċjali urew numru ta’ nies miġburin ħdejn xulxin f’lokalitajiet differenti partikolarment nhar il-Ħadd hekk kif it-temp sabiħ wassal biex ħafna ħarġu l-aktar biex imorru fil-kampanja.
Kien waqt żjara fil-Faċilitża Korrettiva ta’ Kordin li dan il-ġurnal staqsa lill-Ministru għall-Intern, Sigurtà Nazzjonali u Infurzar tal-Liġi jaħsibx li qed isir infurzar biżżejjed fid-dawl taż-żidiet fil-każijiet.
Waqt li beda biex iddikjara li infurzar qed isir ħafna, huwa irrimarka kif fl-ewwel xahrejn ta’ din is-sena l-pulizija u l-LESA, responsabbli minn dawk li baqgħu magħrufin bħala l-gwardjani lokali, ħarġu mal-2,300 taħrika.
Il-Ministru Camilleri qal li dawn ma jistgħux ikunu kullimkien u xogħolhom qed jagħmluh tajjeb waqt li fakkar kif kulħadd huwa obbligat li jaġixxi b’mod responsabbli u jimxi mar-regoli.
Fl-istess ħin il-Ministru Camilleri esprima l-fiduċja tiegħu li bl-għoti tal-vaċċin fi ftit xhur oħra s-sitwazzjoni se tirritorna għan-normal.
Il-Prim Ministru jeskludi lockdown
Il-Prim Ministru Robert Abela eskluda li jkun hawn ‘lockdown’ fil-pajjiż madankollu hemm maħsub żieda fil-multi biex ir-regoli eżistenti jkunu osservati.
Huwa rrimarka dan mal-ġurnalisti waqt li kien għadu kemm indirizza konferenza f’Għawdex dwar il-viżjoni tal-Gvern għal din il-gżira.
Abela sostna li d-diskussjonijiet dwar x’miżuri jistgħu jittieħdu ħalli jindirizzaw iż-żieda fil-każijiet ġodda se jkomplu matul din il-ġimgħa u se jitħabbru daqt.
Waqt li eskluda l-‘lockdown’ Abela nsista li rridu nżommu l-bilanċ bejn is-saħħa u l-għajxien tan-nies.