Bosta xxukkjati bil-mewt ta’ “mara eżemplari”

Fl-aħħar sigħat bosta esprimew id-dieqa u x-xokk tagħhom bil-mewta mhux mistennija ta’ Mary Sammut, mara ta’ 47 sena li kienet toqgħod il-Mellieħa. F’poeżija li ddedikaw lill-ommhom, iż-żewġt itfal tagħha rringrazzjawha ta’ dak kollu li għamlet magħhom. Huma qalu li ommhom kienet mara li uriethom biex qatt ma jaqtgħu qalbhom u li għalkemm ikun hemm xi mument ta’ diffikultà, għallmithom biex jiġġieldu.

Fost il-persuni li taw il-kondoljanzi tagħhom, il-Bank of Valletta (BOV) esprima d-dieqa tiegħu u ddeskriviha mhux biss bħala omm u kollega imma wkoll ħabiba u leader. Żiedu jgħidu li kienet mara b’ruħ sabiħa li ħalliet impatt fuq ħafna minnhom. Fost l-oħrajn fakkru t-tbissima sabiħa tagħha u l-mod kif kienet tinteraġixxi mal-klijenti u l-kollegi. Qalu wkoll li hija kienet front-liner tal-bank li sfortunatament ħalliet din id-dinja wisq malajr waqt li kienet qed tipprovdi servizz essenzjali għall-komunità.

Persuni oħra li urew is-sogħba tagħhom għat-telfa xokkanti ta’ Mary, kienu dawk mill-Għaqda tan-nar Marija Bambina tal-Mellieħa. Filwaqt li bagħtu l-kondoljanzi tagħhom lill-familjari, kollegi u ħbieb tagħha, osservaw li kien biss is-sena l-oħra li Mary kienet ikkontribwixxit b’artiklu interessanti fuq il-ktejjeb tal-festa. Sostnew li jinsabu persważi li issa tinsab fejn il-Madonna li tant kienet tħobb.

Anke l-Choral and Orchestral Society Maria Bambina urew is-sogħba kbira tagħhom u qalu li Mary kienet membru attiv fl-Għaqda tagħhom u kienet tkun minn ta’ quddiem li toffri daqqa t’id f’diversi proġetti u attivitajiet organizzati mill-Għaqda, speċjalment meta kienet tippreżenta diversi kunċerti mużikali b’mod speċjali l-kunċert tal-Erbgħa tat-Tniebru u l-kunċert tal-1 t’Awwissu.

Fost in-numru kbir ta’ persuna li sellmu l-memorja ta’ Mary, kien hemm is-Sindku tal-Mellieħa Dario Vella u l-Ministru Clayton Bartolo li ddeskriviha bħala mara eżemplari li ħabbet lil familtha u lill-Mellieħa bħala waħda minn uliedha.

Share With: