BirdLife Malta bi protest ġudizzjarju kontra l-Gvern

Ritratt – ARKIVJI

BirdLife Malta ressqet protest ġudizzjarju fil-Qorti kontra l-Ministru għall Ambjent, il-Ministru għal Għawdex u l-Kap tat-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi (Wild Birds Regulation Unit, WBRU) talli qed jippjanaw li jiftħu staġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa mingħajr ma  ntlaħqu l-miri u l-kriterji stipulati bil-liġi.  

BirdLife Malta qalet li l-liġi tistipula li l-Gvern jista’ jiftaħ biss staġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa – b’deroga mid-Direttiva Ewropea dwar l-Għasafar – jekk l-istaġun tal-kaċċa tal ħarifa ma kienx alternattiva sodisfaċenti.  

Fi kliemha “dan ifisser li staġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa għas-Summiena (Common Quail)  jiddependi fuq l-ammont ta’ Summien ikkaċċjat tul il-ħarifa ta’ qabel. Fid-dawl  ta’ dan, il-Gvern jobbliga lill-kaċċaturi kollha biex jiddikjaraw il-qabdiet  tagħhom, u l-kaċċaturi huma obbligati bil-liġi li jiddikjaraw l-ammont sħiħ tal-għasafar kollha li jkunu kkaċċjaw. Kien ovvju li dan qed jimmotiva lill kaċċaturi biex ma jiddikjarawx dak li jkunu qabdu u maż-żmien il-livell ta’  parteċipazzjoni min-naħa tal-kaċċaturi beda jonqos sew. 

Dan kien aċċettat mid-WBRU u l-għaqdiet tal-kaċċaturi li m’għamlu xejn biex  jiżguraw sens ta’ dixxiplina fost il-kaċċaturi membri tagħhom biex jirrispettaw  dan l-obbligu. Fl-2020 292 kaċċatur biss, jew 2.7% mit-total ta’ 10,675  kaċċatur liċenzjat, ipparteċipaw fil-carnet de chasse. B’livell daqstant baxx ta’  parteċipazzjoni, BirdLife Malta qed targumenta li l-Gvern m’għandux f’idejh data suffiċjenti biex jieħu deċiżjoni u għaldaqstant dan ma jippermettix lill 

Gvern li jiftaħ staġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa din is-sena. 

Il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana qal: “Wieħed jinnota kif il Prim Ministru Robert Abela qed ikompli jikkuntenta lil-lobby tal-kaċċaturi,  imma nfakkruh li xorta jibqa’ responsabbli li jassigura li l-liġi tiġi rispettata.

In-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tal-kaċċaturi fid-dikjarazzjoni tal-qabdiet  tagħhom hu għal darba oħra sintomu tal-messaġġ ħażin li l-Gvern qed jibgħat  lill-għaqdiet tal-kaċċaturi li m’għandhom l-ebda kontroll fuq il-membri  tagħhom.” 

BirdLife Malta kkonkludiet tgħid li “huwa inkredibbli kif minn ’il fuq minn 10,000 kaċċatur 292 biss iddikjaraw li  sparaw fuq l-għasafar f’ħames xhur tal-istaġun tal-kaċċa tal-ħarifa. Kif ma  jitwemminx lanqas li l-PM Abela qed jirrifjuta li jieħu azzjoni biex jara li mqar  il-prinċipji bażiċi tal-liġi jiġu rispettati.” 

Share With: