Bernard Grech jgħid li Malta jeħtieġ li tnaddaf l-immaġni tagħha b’partit differenti fil-Gvern

Filwaqt li laqa’ l-aħbar li l-Moneyval kienet laqgħet b’mod pożittiv riformi introdotti mill-Gvern matul dawn l-aħħar xhur u kienet sodisfatta minn miżuri adottati biex jiġu indirizzati nuqqasijiet preċedenti, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-Gvern jeħtieġ li jnaddaf ir-reputazzjoni ta’ Malta.

F’diskussjoni li żvolġiet aktar kminei llum fil-Belt Valletta, Grech qal li minkejja l-aħbar tajba, l-imsieħba soċjali xorta għadhom imħassbin dwar il-ħsara li saret u li impattat lin-negozji.

Filwaqt li tenna li huwa importanti li l-istampa ta’ pajjiżna titnaddaf, wieħed m’għandux jinsa x’wassal għal dan.

Grech qal li wasalna hawn mhux biss minħabba li ċerti persuni aġixxew ħażin iżda wkoll minħabba li persuni fil-poter iddefendew dan l-aġir u minħabba li l-grupp parlamentari tal-Gvern ripetutament ivvota kontra mozzjonijiet li kienu jitolbu aktar kontrabbiltà.

Tenna li biex titranġa l-istampa ta’ Malta jeħtieġ li jkun hemm tim differenti ta’ nies u partit differenti fil-Gvern.“Madankollu sakemm jasal iż-żmien l-Oppożizzjoni se tibqa’ toffri l-ideat u tibqa’ taħdem bla waqfien biex tiġi rijabilitata l-immaġni tal-pajjiż.”

Tenna li l-problemi li nħolqu minn kriminali taħt il-libsa ta’ politiċi m’għandhomx jissolvew minn politiċi.

Share With: