“Bdejt nibki… wara kważi 12-il sena nistgħu nagħlqu dan il-kapitlu”

Mart Clifford Micallef tgħid li d-dewmien tal-kawża kien inuman; Tappella biex fl-infrastruttura jkunu aktar ikkunsidrati ċ-ċiklisti

Minn Maria Azzopardi

“Nhar il-Ġimgħa bdejt nibki. Bdejt nibki għax bdejt ngħid li fl-aħħar għandna closure. Id-dewmien kien inuman. Kien hemm bżonn dan it-tul ta’ żmien?”

Hekk qalet ma’ Inewsmalta Shirley Micallef Doughty, mart James Clifford Micallef, li sfortunatament kien miet wara li ġie mtajjar waqt li kien qed isuq ir-rota. L-inċident kien seħħ kważi 12-il sena ilu, eżattament fit-30 ta’ Lulju tal-2009 għall-ħabta tal-5.15 a.m. fi Triq il-Kosta. 

Il-persuna li kien tajjar lil Micallef, Anthony Taliana ta’ 32 sena, kien tressaq fil-Qorti tal-Maġistrati b’rabta ma’ dan l-inċident f’Ottubru tal-2018 fejn kien instab ħati ta’ qtil involontarju u ġie kkundannat tliet snin ħabs. Taliana kien appella minn din is-sentenza u proprju ftit tal-jiem ilu, l-Imħallef Edwina Grima ċaħdet l-appell u kkonfermat is-sentenza.

Ma’ dan il-ġurnal martu qalet: “Jiena ovjament meta l-Maġistrat kienet qatgħet is-sentenza madwar sentejn ilu u kien ħa tliet snin ħabs, ovjament tliet snin għall-poplu jidhru ftit ħafna għax tibda ssaqsi: Imma l-ħajja ta’ bniedem tiswa tliet snin? Ovja li huma ftit imma fortunatament jien kont ippreparata sew mill-avukati li kienu qaluli biex ma nistennix li jiġi kkundannat tant snin il-ħabs. Fis-sens, il-liġi hija antika, kien involontarju u kien hemm ħafna każijiet qablu li ħadu sentenza sospiża.” 

Żiedet tgħid: “Nhar il-Ġimgħa li għadda kont ftit anzjuża u bdejt nispera li ma għamilnix pass ‘il quddiem u nerġgħu tnejn lura. Imma fortunatament il-Qorti reġgħet ikkonfermat it-tliet snin. Billi ħaddiehor se jidħol il-ħabs mhux se jiġi lura imma trid issir ġustizzja għax inkella nispiċċaw ngħixu ġungla. Pero nittama li joħroġ xi ħaġa tajba minn dan kollu u li jirriforma ruħu jew xi ħaġa jew oħra.” 

Issa li ġew ikkonfermati t-tliet snin ħabs, Shirley qalet li issa tista’ tibda dak li jissejjaħ closure, li jfisser li tibda tikkunsidra dan kollu bħala kapitlu magħluq. Iżda staqsiet kemm huwa ġust għall-familja li l-kawża ddum daqshekk tul ta’ żmien biex tinqata’. Fil-fatt għaddew kważi 12-il sena. Sostniet li d-dewmien kien inuman. Filwaqt li appellat biex il-kawżi ma jdumux dan l-ammont ta’ żmien hija qalet: “Ma nippretendix li fis-sena 2021, fejn qegħdin avvanzati f’tant affarijiet, imbagħad nittrattaw lil xulxin b’dan il-mod. Mhux aċċettabbli. Infatti meta smajt l-aħbar nhar il-Ġimgħa bdejt nibki. Bdejt nibki għax bdejt ngħid li fl-aħħar għandna closure. Din id-deċiżjoni ovjament mhux se ġġibu lura imma anke dak id-dewmien iżommok b’mod anzjuż u sospiż. Kien hemm bżonn dan it-tul ta’ żmien?”

Tappella biex fl-infrastruttura jkunu aktar ikkunsidrati ċ-ċiklisti

Shirley appellat biex fl-infrastruttura jkunu aktar ikkunsidrati ċ-ċiklisti u sostniet li għandhom jingħataw iktar vuċi.

Osservat kif wara l-mewt ta’ żewġha nbnew ħafna toroq. Filwaqt li qalet li dawk li diġà huma mibnijin ma tantx hemm x’tista’ tagħmel, appellat biex ikun hemm aktar ħsieb biex it-toroq il-ġodda jsiru b’mod li jkunu aktar siguri.

Żiedet tgħid: “Ħafna jgħidu għax il-kultura. Iva imma kif nista’ nrabbi lil uliedi li jagħżlu ċ-ċikliżmu meta naf li hemm barra hemm bħal donnu ġungla? Il-kultura tiġi imma wara li nagħmlu l-affarijiet li huma fundamentali b’saħħithom. Eżempju cycling policy, mhix qed tingħata daqshekk importanza.”

B’dan il-mod hija qalet li għalkemm irriduhom liċ-ċiklisti, mhux qed jingħataw biżżejjed inkoraġġament u l-problema tas-sigurtà tibqa’ waħda dominanti. Sostniet li qabel ma titfassal triq ġdida trid dejjem tieħu inkonsiderazzjoni l-mezzi alternattivi oħra u ma tingħatax preferenza lis-sewwieqa tal-karozzi biss għax it-toroq huma ta’ kulħadd. Qalet li huwa importanti li n-nies tassew iħossuhom siguri għax jekk le żgur mhux se jagħżlu li jużaw ir-rota.

Osservat kif it-toroq issa qed jibnew iktar wisgħin biex tissolva l-problema tat-traffiku. Filwaqt li qalet li din hija xi ħaġa tajba fiha nnifisha, qalet li fl-istess ħin qed jippromwovu l-veloċità.

“Kulħadd qed igerger bit-traffiku u li hawn wisq karozzi fit-toroq imma fl-istess ħin mhu nagħmlu xejn biex inħeġġu aktar l-użu tar-rota,” temmet tgħid Shirley. 

Share With: