Arrestat wara li mar jiġbor pakkett b’sustanzi narkotiċi mill-Posta

Persuna ta’ nazzjonalità Maltija li impurtat bil-posta pakkett b’sustanzi narkotiċi, u li lbieraħ marret biex tirtira l-pakkett mid-Dwana, fl-uffiċċju Ċentrali tal-Posta, f’Ħal-Qormi, ġiet arrestata fuq il-post mill-Pulizija, wara li l-uffiċjali tad-Dwana infurmawha bis-sejba. Il-persuna ttieħdet fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija għal aktar investigazzjonijiet.

F’dawn l-aħħar ġimgħat, minn meta Brexit daħal b’mod effettiv, allura minn meta l-pakketti postali li jaslu mir-Renju Unit ġew suġġetti għall-formalitajiet, proċeduri u kontrolli tad-Dwana, id-Dwana Maltija nnutat xejra kostanti u konsistenti ta’ importazzjonijiet ta’ sustanzi narkotiċi u żrieragħ narkotiċi f’pakketti bil-posta mir-Renju Unit.

Sal-aħħar ta’ Diċembru li għaddha, pakketti li jaslu mir-Renju Unit ma kinux jiġu riferuti lid-Dwana għax ma kinux suġġetti għall-formalitajiet u l-kontrolli tagħha. Għaldaqstant, tali xejra ta’ movimenti setgħet, u aktarx kienet, diġà teżisti, però ma kinitx, u ftit setgħet, tiġi nnutata.

Fil-fatt, f’dawn l-ewwel disa’ ġimgħat tas-sena ġew interċettati xejn inqas minn 10 pakketti b’sustanzi narkotiċi, jew bi żrieragħ narkotiċi, li oriġinaw mir-Renju Unit. Dan ifisser medja ta’ aktar minn pakkett fil-ġimgħa. Kien hemm ċirkostanzi fejn f’jum wieħed instabu aktar minn pakkett wieħed. Il-pakketti kienu indirizzati għal residenzi f’diversi partijiet ta’ Malta, fosthom Birkirkara, Ħal Qormi, Ħaż-Żebbuġ, il-Ħamrun, is-Swieqi, ix-Xlendi Għawdex, l-Iklin, l-Imsida, San Pawl il-Baħar u Tas-Sliema.

Uħud mill-każi nqabdu mill-klieb tal-K9 Unit tad-Dwana, Żekkin, Stan u Peter.

Il-każi kollha ġew riferuti lill-Iskwadra ta’ Kontra d-Drogi tal-Pulizija li komplew bl-investigazzjonijiet tagħhom u ttieħdu l-passi skont il-liġi.

Kumplessivament, dawn l-importazzjonijiet kienu jammontaw għal madwar kilo droga.

Id-Dipartiment tad-Dwana jirringrazzja lill-Korp tal-Pulizija għall-assistenza u l-koperazzjoni konġunta li trawmet bejn iż-żewġ forzi, filwaqt li jtenni li hu kommess li jkompli jkun viġilanti ħalli jassigura l-ħarsien tal-liġi.

Share With: