Arrestat raġel b’rabta ma’ serqa armata

Il-pulizija arrestaw raġel ta’ 28 sena, b’rabta ma’ serqa armata f’Ta’ Xbiex. Tard ilbieraħ bil-lejl, il-pulizija rċeviet informazzjoni dwar l-allegat ħalliel u wara azzjoni immedjata mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit u dawk tad-Dipartiment tar-Reati Maġġuri, ir-raġel ġie arrestat f’Ta’ Xbiex stess.

Fl-aħħar sigħat, il-Pulizija tad-Dipartiment tar-Reati Maġġuri u tad-Distrett ta’ Tas-Sliema, intensifikaw l-investigazzjonijiet tagħhom relatati mas-serqa li seħħet fuq żewġ nisa matul il-lejl ta’ bejn l-Erbgħa u l-Ħamis li għadda. Dakinhar, raġel avviċina liż-żewġ nisa waqt li kienu mexjin max-xatt, u wara li aggredihom b’sikkina, ħarab minn fuq il-post b’basket ta’ waħda min-nisa.

Wara li sar l-arrest, il-pulizija għamlet diversi tfittxijiet u fir-residenza tar-raġel, instabu xi affarijiet relatati ma’ din is-serqa. Instabu wkoll affarijiet oħra relatati ma’ serq ieħor li seħħ fl-aħħar jiem.

Ir-raġel qiegħed jinżamm fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, il-Floriana għal aktar stħarriġ. L-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.

Share With: