ARA: It-Taljan arrestat fuq allegat kriminalità organizzata fl-Italja jaċċetta li jkun estradit lejn pajjiżu
Maximiliano Genova ta’ 39 sena li huwa mfittex mill-awtoritajiet Taljani b’rabta ma’ organizzazzjoni kriminali ta’ traffikar ta’ droga fl-Italja tressaq fil-Qorti tal-Maġistrati fejn aċċetta li jkun estradit lura lejn l-Italja.
Huwa kien arrestat it-Tlieta li għadda mill-Pulizija Maltija permezz ta’ mandat ta’ arrest li nħareġ fil-konfront tiegħu. Huwa nstab f’appartament f’San Pawl il-Baħar.
Din l-operazzjoni saret b’kollaborazzjoni mal-Pulizija Taljana, hekk kif l-arrest sar fl-istess waqt li f’Sirakuża kienet qiegħda ssir operazzjoni mill-Carabinieri fejn ġew arrestati 31 persuna b’rabta ma’ traffikar ta’ droga li allegatament kien qiegħed iħalli qligħ ta’ €25,000 kuljum lil din l-organiz
zazzjoni kriminali.
Genova tressaq quddiem il-Maġistrat Neville Camilleri fejn iddikjara li kien qed jagħti l-kunsens tiegħu biex ikun estradit lura lejn l-Italja.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Mark Galea.