ARA: Investiment ta’ €600,000 fi klinika tas-saħħa fil-ħabs

Mindu feġġet il-pandemija kienu 50 priġunier li ħadu l-Covid19; illum baqa’ wieħed li għadu pożittiv

Il-Gvern investa €600,000 fi klinika tas-saħħa ġdida fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin biex priġunieri u anke uffiċjali tal-Ħabs li jkollhom bżonn kura jkunu jistgħu jeħduha fiha minflok joqgħodu jmorru f’xi sptar jew ċentru tas-saħħa.

Il-klinika hija mqassma f’diversi kmamar fosthom waħda li fiha tingħata l-ewwel għajnuna; oħra fejn isiru l-ewwel testijiet ġenerali fuq il-priġunieri li jidħlu għall-ewwel darba; kamra fejn jiddewwew feriti; oħra għall-kura tas-saqajn u fejn ipoġġu l-psikjatri; kamra oħra fejn isiru testijiet tad-demm u l-urina; waħda fejn ipoġġi dentist; oħra minn fejn tingħata l-mediċina nkluż il-metadhone u żewġ kmamar fejn pazjent jista’ jinżamm għall-osservazzjoni.

Fil-klinika se jkun hemm ukoll kamra fejn jinżamm it-tagħrif kunfidenzjali dwar saħħet kull pazjenti u ‘board room’ fejn il-professjonisti jkunu jistgħu jiltaqgħu biex jiddiskutu s-sitwazzjoni ġenerali jew dik ta’ xi priġunier.

Il-klinika se jkollha madwar 20 professjonist jaħdmu fiha fosthom psikjatri, tobba, infermieri u dentist.

It-tabib responsabbli mill-klinika, Christopher Cremona, sġjega kif il-kura tas-saħħa hija kruċjali fir-rijabilitazzjoni tal-priġunieri.

Huwa spjega kif bit-titjib fil-faċilitajiet mediċi li kien hemm irnexxielhom inaqqsu n-numru ta’ viżti tal-priġunieri fi sptarijiet u ċentri tas-saħħa minn 2,300 fl-2019 għal 1,100 fl-2020.

Dr Cremona spjega kif bl-investiment li sar fl-apparat mediku saru 80 operazzjoni fil-Ħabs li ma kienx hemm bżonn li jsiru l-isptar.

Dwar is-sitwazzjoni tal-Covid19 huwa qal li mindu feġġet il-pandemija saru mal-4,000 ‘swab test’ u fl-aħħar jiem ingħataw mal-1,000 tilqima bejn priġunieri u impjegati inkluż gwardjani b’90% ħadu l-ewwel doża.

Fil-Ħabs hemm ftit inqas minn 900 priġunier u skont l-awtoritajiet tal-Ħabs waqt li mindu feġġet il-pandemija kienu 50 li daħlu minn barra bil-virus illum hemm priġunier wieħed biss li għadu pożittiv.

Madwar 400 jieħdu trattament kuljum għal mard jew kundizzjonijiet li jkollhom inkluż il-methadone fit-trattament ta’ dawk li jkollhom il-vizzju tad-droga.

Waqt li huma 45 il-priġunieri li bħalissa qed jieħdu l-methadone, bl-għajnuna tat-tobba u l-psikjatri l-ammont ta’ methadone li jingħata naqas minn tliet litri kuljum sa ftit xhur ilu għal ftit iktar minn  litru.

Fil-Ħabs hemm ukoll priġuniera li hija tqila bl-awtoritajiet se jagħtuha l-għajnuna wara li twelled anke bi żjarat minn qabla.

F’kelmtejn tal-okkażjoni waqt il-ftuħ ta’ din il-klinika, il-Ministru għall-Intern, Sigurtà Nazzjonali u Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri faħħar l-investiment li qed isir mill-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi li tmexxi l-Ħabs.

Huwa innota kif ftit kienu l-kuntratturi involuti fix-xogħol li sar għax ħafna minnu sar minn uħud mill-priġunieri stess.

Il-Ministru Camilleri iddeskriva wkoll din il-klinika bħala waħda f’kullana ta’ investimenti li dan il-Gvern għamel fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi Alex Dalli irringrazzja lill-priġunieri li kienu involuti fix-xogħol li sar f’din il-klinika fl-aħħar erba’ xhur biex setgħet tinfetaħ.

Share With: