ARA: “Ikkoperaw u komplu imxu mal-miżuri”

It-tabib Joseph Ferriggi b’messaġġ ta’ twissija dwar iż-żieda fil-każijiet tal-Covid-19

Miktub minn CARMEN CACHIA

It-tabib Joseph Ferriggi, li ftit tax-xhur ilu kien fil-periklu li jitlef ħajtu wara li marad bil-Covid-19, għamel appell ta’ twissija lil poplu Malti wara li fil-jum tat-Tlieta li għadda pajjiżna kellu l-akbar ammont ta’ każijiet ġodda tal-virus, kif ukoll tliet fatalitajiet oħra li jinkludu raġel kellu biss 41 sena.

Filwaqt li qal li pajjiżna sejjer tajjeb ħafna bil-programm ta’ tilqim fuq skala nazzjonali u dan jidher li qiegħed iħalli frott għax il-faxxa ta’ persuni li tlaqqmu tidher li mhix tkun milquta bħal qabel, it-tabib Ferriggi ħabbar li ż-żieda fil-każijiet li għandna bħalissa żgur li hija minħabba l-varjant il-ġdid mir-Renju Unit.

Huwa qal li dan il-varjant jittieħed ferm aktar malajr. Fil-fatt it-tabib għamel paragun mal-imwiet li kellna fl-10 xhur ta’ pandemija tas-sena l-oħra fejn kien hemm ftit aktar minn 200, mentri fl-ewwel xahrejn waħidhom tal-2021, diġà kellna 100 persuna li tilfu ħajjithom minħabba l-Covid-19. 

Din is-sitwazzjoni hija deskritta minnu bħala waħda inkwetanti ferm u ta min joqgħod attent ħafna minnha. “L-isptar għandu ħafna pressjoni u qegħdin jonqsu s-sodod… anke dawk fl-ITU. Hemm persuni fl-ITU li l-etajiet tagħhom issa jvarjaw bejn l-40 u s-60 sena. Għalina t-tobba din hija inkwetanti u anke għalija bħala tabib tal-familja,” qal imħasseb Dr Ferriggi.

Huwa qal li l-varjant Ingliż, barra li huwa problematiku bħal Covid-19, jattakka ħafna lill-gruppi ta’ persuni f’etajiet żgħar u dawn jitħalltu aktar b’konsegwenza jinxtered aktar – 70% aktar mill-virus oriġinali tal-Covid-19.

“L-awtoritajiet qegħdin jagħmlu minn kollox bit-tilqim u t-tim mediku, minn fuq s’isfel, qiegħed jagħmel l-aħjar li jista’. Jien għaddejt u kont fl-ITU. Hemm dedikazzjoni u kura eċċellenti kemm min-naħa ta’ staff, kif ukoll għandna l-aqwa apparat. Però ma nistgħux nagħmlu pressjoni żejda fuqhom,” appella t-tabib.

Dr Ferriggi qal li huwa fieq mirakolożament u issa jrid iwassal il-messaġġ li t-tilqima qiegħda hemm imma din waħidha mhix is-soluzzjoni għall-pandemija. Saħaq li, “is-soluzzjoni tal-pandemija hija wkoll li nibqgħu nsegwu l-miżuri ta’ iġene bil-ħasil u sanitizzar tal-idejn, li nżommu d-distanza soċjali u li nilbsu l-maskra. Fil-fatt illum, bħala tobba, nafu kemm hija importanti din il-maskra għax il-każijiet ta’ influwenza u problemi respiratorji din is-sena kienu kważi ineżistenti”.

L-eks pazjent tal-Covid-19 qal li mal-programm tat-tilqim irridu nkomplu nosservaw il-miżuri għax din hija l-unika soluzzjoni biex niġġieldu l-pandemija. “Jiddispjaċini ngħid li jidher li dan m’huwiex ikun segwit. Ħafna jwaħħlu f’dak u f’dik u x’nagħmlu aħna ma nistgħux indaħluha f’rasna. Wasalna fi stat inkwetanti. Il-Malti jgħidu li jisma’ meta tmisslu l-but u jekk mhux se nisimgħu, l-effett tal-Covid-19 se jitwal iżżejjed u dan se jkollu effett diżastruż fuq l-ekonomija,” wissa Dr Ferriggi.

Fl-opinjoni tiegħu jekk l-affarijiet mhux se jkunu kkontrollati, se jkun hemm effetti fuq l-impjiegi, fuq l-opportunitajiet ta’ xogħol u nies li se jispiċċaw fi problemi finanzjarji kbar. Huwa żied jgħid li, “allura importanti li nwaqqfu din il-pandemija malajr kemm jista’ jkun. Wasal iż-żmien li narawh xi jmissna nagħmlu aħna u dan nistgħu nagħmluh billi nibżgħu għal saħħitna, nirrispettaw lil ta’ madwarna u nħarsu l-ekonomija tal-pajjiż”. 

Dr Ferriggi temm il-messaġġ tiegħu b’appell qawwi biex kulħadd jikkopera.

Share With: