Alfred Sant jappella għal investiment strateġiku fis-settur tas-saħħa

L-ewroparlamentari Laburista Alfred Sant ħeġġeġ sabiex programmi ta’ finanzjament tal-UE jappoġġjaw investimenti strateġiċi fil-qasam tas-saħħa, settur li jeħtieġ appoġġ pubbliku urġenti wara snin ta’ investiment mnaqqas u attitudni ta’ laissez-faire mill-gvernijiet tal-UE.

Fi stqarrija lill-plenarja tal-Parlament Ewropew, Alfred Sant qal li vvota favur il-programm InvestEU għaliex, permezz tal-implimentazzjoni tiegħu, l-ekonomija tal-UE se tkompli tirċievi injezzjoni ta’ investiment pubbliku tant meħtieġ.

Il-programm InvestEU jieħu post il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (EFSI), stabbilit fl-2015 biex iżid l-investiment pubbliku u privat fl-Ewropa. Il-programm il-ġdid jiġbor flimkien strumenti finanzjarji li għandhom l-għan li jappoġġjaw investimenti li huma kruċjali għat-tkabbir ekonomiku.

Alfred Sant esprima t-tama li, għall-kuntrarju tal-predeċessur tiegħu, il-programm InvestEU jikseb bilanċ ġeografiku akbar fin-nefqa tal-fondi. Għal dan il-għan, numru ta’ emendi mressqa minn Alfred Sant inżammu fit-test finali tal-ftehim. L-għan tagħhom huwa li jevitaw ripetizzjoni tal-EFSI fejn kemm Malta kif ukoll Ċipru kienu fil-qiegħ tal-lista ta’ benefiċjarji.

Għalkemm m’għadux pakkett ta’ finanzjament tal-UE ewlieni, il-programm InvestEU jibqa’ essenzjali billi għandu joħloq EUR 400 biljun f’investiment favur prijoritajiet ewlenin tal-UE bħat-tranżizzjoni diġitali u l-miri tal-klima.

Share With: