Alfred Sant

Alfred Sant jappella għal aktar għajnuna mill-istat biex ittaffi l-impatt ekonomiku tal-Covid-19

L-intervent pubbliku, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll Ewropew, kien kruċjali biex jittaffa l-impatt ekonomiku tal-pandemija Covid-19 u għandu jkompli, idealment jiffoka fuq investiment orjentat lejn il-futur, qal Alfred Sant fil-Parlament Ewropew.

Fi stqarrija lis-sessjoni plenarja, il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew qal li meta tiddiskuti l-pandemija Covid-19, l-ewwel ħsibijiet dejjem imorru fil-vittmi segwiti mit-tbatija ekonomika li għaddejjin minnha ħafna nies u operaturi.

“Fuq livell nazzjonali, l-għajnuna mill-istat u l-qafas temporanju tal-UE kienu salvataġġ importanti fil-ħajja ta’ ħafna setturi u pajjiżi”.

Waqt dibattitu plenarju intitolat “Nindirizzaw l-impatt ekonomiku tal-pandemija COVID billi niffukaw fuq l-investiment u l-kompetittività” li sar fil-preżenza tal-Kummissarju Ewropew għall-Ekonomija Paolo Gentiloni, Alfred Sant irrimarka li l-Kummissjoni Ewropea, fid-dikjarazzjonijiet varji tagħha, affermat li hi impenjata li tiżgura rispons ikkoordinat u konsistenti.

“Madankollu, ċifri ppubblikati juru li l-livell ta’ għajnuna mill-istat jvarja ħafna bejn l-Istati Membri. Għalkemm ir-regoli dwar l-għajnuna mill-istat japplikaw ugwalment għal kulħadd, dan ma japplikax għar-riżorsi disponibbli għall-gvernijiet nazzjonali. Din id-diskrepanza qed twassal għal intensifikazzjoni tal-firda soċjoekonomiku diġà eżistenti bejn ir-reġjuni Ewropej u l-Istati Membri”, qal Alfred Sant.

“F’dan kollu, nappella lill-Kummissjoni biex tieħu l-passi meħtieġa biex iżżomm kundizzjonijiet indaqs bejn l-Istati Membri. L-iktar importanti, il-Kummissjoni teħtieġ tiżgura li l-flus mogħtija fil-forma ta’ għajnuna mill-istat ma jispiċċawx jintużaw billi jibbenefikaw kumpaniji biex jieħdu f’idejhom kumpaniji li qed ibatu fi Stati Membri oħra ”.

Share With: