“Aktar minn deputat wieħed talab li jqabbeż il-kju … għandu l-provi fuq Whatsapp” – Il-Ministru Chris Fearne

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne informa lill-Parlament li għandu messaġġi fuq WhatsApp li jippruvaw kif żewġ deputati Nazzjonalisti talbuh iqabbiżhom il-kju fl-għoti tal-vaċċin tal-Covid19 u għadda lill-Kap tal-Oppożizzjoni l-ismijiet tagħhom biex dan jinvestiga.

Huwa iddikjara dan fil-Parlament wara battibekk li qam bejn iż-żewġ naħat dwar il-kwistjoni li tqajjmet fil-Kamra tar-Rappreżentanti fis-seduta tat-Tlieta waqt stqarrija li kien qed jagħti l-Prim Ministru Robert Abela.

Kien il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar li talab lill-Ispeaker Anġlu Farrugia biex jagħti ‘ruling’ dwar dan jekk Fearne ma jirtirax jew jissostanzjax l-allegazzjoni tiegħu.

Huwa sostna li f’ismu u f’isem id-deputati kollegi tiegħu kien qed jiċħad l-allegazzjoni li għamel fil-konfront tal-Oppożizzjoni l-Ministru għas-Saħħa.

Fir-risposta tiegħu Fearne fakkar li hemm frażi bl-Ingliż fejn jingħad li meta tkun fil-ħofra aħjar tieqaf tħaffer u kien hawn li semma kif kien hemm iktar minn deputat wieħed tal-PN li talbu jieħu l-vaċċin qabel ħaddieħor.

Huwa talab lid-deputati jfittxu naqra fuq il-WhatsApp biex dak li jkun forsi jiftakar li bagħtlu messaġġ biex jaqbeż il-kju u saħansitra qal li kien hemm deputat li wara tlitt ijiem bagħtlu messaġġ ieħor biex ifakkru.

Fearne żied li kien hemm min talbu l-vaċċin għalih u min talbu għall-familjari jew il-ħbieb waqt li żied li meta qal lill0-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Greco dan qallu li m’hemmx għalfejn isemmi min hu jew hi għax jaf li kien hemm persuna u taha parir ma tqabbiżx il-kju.

Kien hawn li qamet id-deputat Claudette Buttigieg li staqsietu jekk kienx qed jirreferi għaliha b’Fearne jweġibha li jekk iqum deputat wara ieħor tal-PN jgħid min bagħtlu l-messaġġ.

Huwa qal li ma kienx qed jirreferi għal Buttigieg għalkemm sostna li din talbitu biex tieħu l-vaċċin għax it-tifla għandha kundizzjoni.

Din id-dikjarazzjoni urtat lil Buttigieg fejn b’leħen irrabjat ċaħdet li talbet il-vaċċin għalija jew għat-tifla u sostniet li din kienet intitolata teħodha u għamlet hekk is-Sibt. 

Id-deputat Nazzjonalista sostniet li kien hemm xi ħadd li avviċinaha biex teħodha imma hi irrifjutat għax ma tħalli lil ħadd iniżżilha fil-ħmieġ.

Fearne weġibha li ma kienx qed jgħid għaliha imma għal oħrajn u iddikjara li meta tiġi l-opportunità se jgħid min u hekk kif il-battibekk kien qed jintemm Buttigieg instemgħet tgħid lin-naħa tal-Gvern “imisskom tistħu”.

Wara li l-Parlament kompla jiddiskuti abbozzi oħra, waqt wieħed minnhom intervjena l-Kap tal-Oppożizzjoni fejn spjega li veru li Fearne avviċinah u staqsih biex jekk għandu xi informazzjoni dwar abbuż fit-tilqim jgħidlu ħa jinvestiga.

Grech sostna li huwa qallu li mill-informazzjoni li għandu xi ħadd staqsa lil Buttigieg jekk riditx tingħata l-vaċċin imma din irrifjutat għax indunat li kienet nasba.

Il-Kap tal-PN kompla li mhux aċċettabbli li xi ħadd jitkellem b’mod żbaljat dwar konverżazzjoni privata u ċaħad li qal lil Fearne li jaf għal min kien qed jirreferi.

Huwa żied li Fearne għaddilu żewġ ismijiet u wiegħed li se jivverifika l-fatti għalkemm sostna li d-deputati kollha ċaħdu li talbu l-vaċċin.

Hawnhekk reġa’ intervjena l-Ministru tas-Saħħa fejn sostna li l-Kap tal-PN kien qed jikkonferma dak li qal hu u waqt li reġa’ tenna li ma kinitx Buttigieg semma kif għaddilu żewġ ismijiet ta’ dawk li talbuh il-vaċċin.

Share With: