Aktar minn 8 kilometri ta’ network diġà tqiegħdu f’posthom fil-Grand Harbour Clean Air Project

Hekk kif l-ewwel fażi tal-Grand Harbour Clean Air Project qabdet ir-ritmu, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi ħabbru li diġà bdew jitpoġġew il-cables tal-elettriku taħt l-art li se jqassmu l-elettriku minn substation primarja tal-Enemalta sal-mollijiet tal-Port il-Kbir, il-Marsa u l-Isla. B’kollox, aktar minn 8 kilometri ta’ network tqiegħdu f’posthom diġà.

Il-Ministru Ian Borg qal, “Permezz ta’ dan l-investiment ta’ €50 miljun, se nkunu qed intejbu l-kwalità tal-arja għas-17,000 familja li jgħixu fiż-żona tal-Port il-Kbir billi se nnaqqsu aktar minn 90% tat-tniġġis tal-arja kkawżat minn dawn il-bastimenti. Wara studji li saru jindika li permezz ta’ dan l-investiment, fi żmien 20 sena, Malta se tiffranka sa €375 miljun fi spejjeż marbuta mal-konsegwenzi li jistgħu jinħolqu bit-tniġġis tal-arja bħal impatti fuq is-saħħa, l-ambjent naturali, l-infrastruttura u l-agrikoltura. B’hekk, permezz ta’ dawn il-benefiċċji għas-saħħa u l-ambjent, dan il-proġett se jkun wieħed mill-akbar kontributuri għal kwalità tal-arja mtejba f’Malta. Din hi l-viżjoni ħolistika tagħna favur kwalità ta’ ħajja aħjar għall-Maltin u għall-Għawdxin kollha. Dan hu gvern favur l-ambjent, favur nifs ħadrani, favur is-sostenibbiltà.”

Il-Ministru Ian Borg irringrazzja lil Infrastructure Malta għall-ħidma bieżla u kontinwa tagħhom li qed tbiddel l-infrastruttura ta’ pajjiżna u toħloq Malta progressiva u nadifa.

L-ewwel fergħa ta’ dan in-netwerk, li waslet biex titlesta, se tgħaqqad is-substation eżistenti tal-Enemalta mal-moll ta’ Xatt l-Għassara tal-Għeneb, fejn Infrastructure Malta ser tibni waħda miż-żewġ frequency converter stations. It-tieni medda ta’ cables hija diretta lejn il-Menqa u l-Moll tal-Knisja fil-Marsa. Minn hawn, cables taħt il-baħar se jestendu n-netwerk għall-Moll tal-Faħam f’Kordin u wara għal Boiler Wharf fl-Isla.

Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi spjega li l-proġett tal-Grand Harbour Clean Air qed isir b’investiment ta’ €21.9 miljun minn fondi Ewropej permezz tal-fond Connecting Europe Facility. Hu qal li dan il-proġett huwa wieħed li mhux biss jgħin biex jintlaħqu l-miri ambjentali ta’ Malta imma jikkumplimenta l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar it-tibdil fil-klima u t-titjib fl-ambjent.

“Grazzi għal dan il-proġett, in-nies ta’ dawn l-inħawi se jgawdu minn nuqqas drastiku ta’ emmissjonijiet. Inħares ’il quddiem biex naraw proġetti simili bħal dan f’partijiet oħra ta’ Malta, inkluż fin-Nofsinhar ta’ Malta”, qal is-segretarju parlamentari.

F’kull moll, Infrastructure Malta qed tibni stazzjonijiet biex jinżammu switchgear u pannelli ta’ ship-to-shore. L-ewwel wieħed qed jinbena fix-Xatt ta’ Pinto.

Dan ix-xahar, se jibdew xogħlijiet ta’ bini ta’ munzelli tal-konkrit ta’ tmien sulari taħt il-moll ta’ Xatt l-Għassara tal-Għeneb li se jappoġġaw l-ewwel frequency converter station. It-tieni wieħed mistenni jkun installat f’barrakka industrijali antika f’Boiler Wharf. Infrastructure Malta se tirrestawra u tikkonserva din il-barrakka bħala parti mill-wirt industrijali ta’ Malta.

Share With: