Aktar inizjattivi favur indafa u manutenzjoni aħjar fil-komunitajiet tagħna

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera ħabbar numru ta’ inizjattivi  favur iż-żamma u l-indafa fil-komunitajiet tagħna fejn fost l-oħrajn spjega li ġie estiż il-ftehim bejn  il-Fondazzjoni tal-Community Work Scheme u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali. Dan il-ftehim ġie  emendat sabiex ġiet inkluża id-Diviżjoni għall-Gvern Lokali li ser tkun qed tħares u tissorvelja li s-sistema tkun qed taħdem b’aktar trasparenza u effiċjenza.  

Ġie spjegat li wara li sar studju tal-funzjonijiet tal-kunsilli lokali relatati, irriżulta li hemm lok fejn  jista’ jitjieb il-livell ta’ indafa u manutenzjoni f’numru ta’ lokalitajiet. Minn dan l-istudju inħarġet  viżjoni aktar wiegħsa għall-komunitajiet tagħna fejn l-implimentazzjoni hija mibnija fuq 3 pilastri.  Dawn il-pilastri jinvolvu t-tisħiħ fuq bażi amministrattiva, żieda fir-riżorsi disponibbli, u programmi  u inizjattivi li fost affarijiet oħra jinkludu kampanja edukattiva fuq livell nazzjonali u koordinament  aħjar tas-servizzi tal-infurzar. 

Il-Ministru Herrera fakkar li lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet ippreżenta abbozz ta’ politika ġdida  għall-gvern lokali li hija bbażata fuq 10 pilastri u għandha vizjoni għall-10 snin li ġejjin. Waħda minn  dawn il-pilastri hija dwar servizzi aħjar u aktar trasparenti. Għaldaqstant qed titnieda din l-inizjattiva  tal-lum li permezz tagħha se jkun hemm estensjoni tal-iskema dwar Ħaddiema fil-Komunità. 

Il-Ministru sostna li permezz ta’ dawn l-inizjattivi, b’mod aktar wiegħsa ser inkunu mhux biss qed  noffru aktar riżorsi adekwati u neċessarji lill-gvernijiet lokali imma viżjoni aktar olistika għall benefiċċju taċ-ċittadini b’lokalitajiet aktar indaf u mantnuti.  

“L-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali riedet tassigura li x-xogħol u l-investiment li dawn il-ħaddiema  jagħmlu fil-komunitajiet ikun wieħed li jixraq lil-lokalitajiet tagħna. Bl-estensjoni li għamilna llum u  bl-inklużjoni tad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali ser ikun hemm il-possibbiltà li jidħlu aktar ħaddiema, u  x-xogħol ta’ dawn il-ħaddiema fil-komunitajiet tagħna ser ikompli jinfirex u għaldaqstant il-kunsilli  ser ikollhom aktar għajnuna f’dan ir-rigward,” sostna Mario Fava, President tal-Assoċjazzjoni  Kunsilli Lokali.  

“L-inizjattiva li jingħataw riżorsi umani lill-kunsilli lokali u reġjonali hi fil-qafas tal-viżjoni li l-gvern  lokali jagħti aktar servizzi effiċjenti u effettivi għall-benefiċċju tal-komunijiet,” sostna Natalino  Attard, Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali.

Share With: