“Aħna l-Maltin magħrufin biex fl-inkwiet u l-gwerer ningħaqdu flimkien biex nikkumbattu u noħorġu rebbieħin”

“Il-pandemija tal-Covid 19 ġiet fuqna bħall sajjetta fil-bnazzi. Aħna l-Maltin magħrufin biex fl-inkwiet u l-gwerer ningħaqdu flimkien biex nikkumbattu u noħorġu rebbieħin.” Hekk stqarret Svetlana Fenech, infermiera fl-Isptar Mater Dei fid-dawl tal-imxija COVID-19 .

Svetlana kompliet tgħid li bħala infermiera, f’din il-pandemija “ingħaqadna u ħdimna biex il-pazjenti morda bil-virus ifittxu jfiqu u l-virus ma jinfierix lejn swali ta’ pazjenti oħra li għalkemm ma jkunux morda bil-virus xorta jkunu vulnerabbli b’mard ieħor.” Svetlana aċċertat li l-infermiera waqt ix-xogħol tagħhom jaħdmu bis-sħiħ biex jaraw il-pazjent ħiereġ mill-isptar imfejjaq.

L-infermiera enfasizzat li “l-prijorità tagħna tibqa’ dejjem il-pazjent. Barra min hekk wieħed irid iqis li waqt li aħna nkunu naħdmu mal-pazjent irridu noqgħodu attenti li ma nieħdux magħna d-dar mard li jittieħed speċjalment tal-COVID-19 minħabba l-familjari tagħna li jistgħu jkunu vulnerabbli.”

Fi tmiem il-messaġġ tagħha, Svetlana appellat biex il-pubbliku jibqa’ jemmen fil-ħaddiema tas-saħħa kollha. “Gaħmlu kuraġġ! Obdu b’reqqa l-ordnijiet u l-pariri li jtuna l-awtoritajiet tas-saħħa u nieħdu l-vaċċin. Ibqgħu ċerti li jekk inkunu magħqudin ma ndumux ma ngħelbu  lill dan il-virus li qalbilna ħajjitna ta’ taħt fuq.”

Share With: