Aġġornata: Ramiro Mallia huwa ż-żagħżugħ li miet wara ħruġ ta’ gas

Iż-żagħżugħ li miet aktar kmieni waranofsinhar huwa Ramiro Mallia.fost il-ħafna persuni li sellmu l-memorja tiegħu fakkruh bħala ġuvni dejjem bit-tbissima u b’qalb tad-deheb.

Minkejja li kellu jiġġieled il-marda tal-kanċer sa minn età żgħira hu dejjem baqa’ jgħin lil tfal oħrajn bl-istess problema u sa ftit sigħat qabel tħabbret il-mewt tiegħu stess hu kien qiegħed jirreklama figolli li minnhom kienu se jibbenefikaw Puttinu Cares biex ikomplu jgħinu aktar persuni fil-bżonn.

Fost ħbieb oħrajn li sellmu l-memorja tiegħu kien hemm il-partitarji Milanisti li f’kumment li spikka fost l-oħrajn kien jgħid “min kellu jgħidli li qatt aktar m’aħna se niltaqgħu biex nagħjtu gowl flimkien?!”

Ġuvni jmut kawża ta’ ħruġ ta’ gas minn heater f’Ħal Qormi

Illum, għall-ħabta tal-4.30 p.m, intalbet l-għajnuna tal- Pulizija u l-membri tal-Protezzjoni Ċivili ġewwa residenza fi Triq Santa Katerina f’Ħal Qormi.

L-ewwel investigazzjonijiet juru li ġuvni ta’ 19-il sena li jgħix Ħal Qormi ntilef minn sensih b’konsegwenza ta’ ħruġ ta’ gas minn heater. Huwa ngħata l-ewwel għajnuna minn tim mediku iżda tilef ħajtu ftit ħin wara fl-Isptar Mater Dei.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Natasha Galea Sciberras li ħatret Inkjesta filwaqt li għaddejjin l-investigazzjonijiet mill-Pulizija tad-Distrett.

Share With: