AĠĠORNATA: Il-Maġistrat Nadine Lia tirrikuża lilha nfisha milli tisma’ l-kumpilazzjoni tal-qtil tal-Avukat Carmel Chircop u Daphne Caruana Galizia

3:45 p.m: Fl-aħħar ħin, il-Maġistrat Nadine Lia rrikużat ruħha milli tisma’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra l-erbat irġiel mixlija b’involviment fil-qtil tal-Avukat Carmel Chircop u Daphne Caruana Galizia. Kien l-Avukat Jason Azzopardi, li qed jidher parte civile għall-familja ta’ Caruana Galizia, li ressaq talba formali biex il-Maġistrat Lia tirrikuża ruħha milli tisma’ l-każ b’rabta maż-żewġ omiċidji. Wara kważi tliet sigħat ta’ deliberazzjoni, il-Maġistrat Lia ddeċidiet li għalkemm ma kellhiex għalfejn tirrikuża ruħha minħabba diversi raġunijiet, fosthom li anke min għamel it-talba qal li jemmen fl-integrità tagħha, qalet li każijiet bħal dawn għandhom jiġu trattati mingħajr dell ta’ dubju. Kien għalhekk li hija laqgħet it-talba u ordnat li l-każ jintbagħat lura lir-reġistratur tal-qorti biex jerġa’ jiġi assenjat lil ġudikant ieħor.

9:45 a.m: Għal George Degiorgio kellu jidher l-avukat William Cuschieri. Jamie Vella baqa’ ma tressaqx il-Qorti minħabba li għadu pożittiv għall-COVID-19.Prova ta’ dan kien ċertifikat preżentat fil-Qorti li juri li Vella baqagħlu sal-11 ta’ dan ix-xahar fi kwarantina mandatorja.

Azzopardi, li qed jidher bħala parte civile għall-familja Caruana Galizia għamel talba lill-Qorti sabiex l-Maġistrat Nadine Lia tirrikuża ruħha milli tippresjedi din il-kumpilazzjoni.  

9:00 a.m: Erbat irġiel il-Qorti b’rabta ma’ żewġ omiċidji

L-aħwa Adrian u Robert Agius, magħrufa bħala tal-Maksar, Jamie Vella u George Degiorgio, magħruf bħala ċ-Ċiniż, mistennija jidhru fil-Qorti biex jaffaċċjaw akkużi b’rabta mal-allegat involviment tagħhom f’żewġ omiċidji. 

Robert Agius u Jamie Vella qed jiġu akkużati li fornew il-bomba li qatlet lil Daphne Caruana Galizia nhar is-16 ta’ Ottubru 2017.

Adrian Agus qed jiġi mixli li kkummissjona l-qtil tal-Avukat Carmel Chircop fl-2015. Vella u Degiorgio qed jiġu mixlija li kienu l-eżekuturi f’dan id-delitt li seħħ f’kumpless ta’ garaxxijiet f’Birkirkara. 

Degiorgio bħalissa għaddej proċeduri separati għall-involviment tiegħu fil-qtil ta’ Caruana Galizia. 

L-erbat irġiel mistenni li jidhru quddiem il-Maġistrat Nadine Lia. Huma kienu arrestati fl-istess jum li Vince Muscat magħruf bħala l-Koħħu ammetta l-involviment tiegħu fl-qtil ta’ Caruana Galizia u ken ikkundannat 15-il sena ħabs. 

Muscat ikkollabora mal-pulizija u ngħata l-maħfra presidenzjali biex jirrakkonta kollox dwar il-qtil tal-Avukat Chircop.

Il-ġimgħa li għaddiet, il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia rrikużat ruħha milli tisma l-kumpilazzjoni tal-provi kontra l-erbat irġiel peress li kienet involuta fl-inkjesta maġisterjali dwar il-qtil ta’ Chircop.

Share With: