86% tal-kumpaniji f’Malta rnexxielhom iżommu lill-ħaddiema tagħhom

Studju mill-Assoċjazzjoni Maltija jantiċipa li l-irkupru mill-pandemija se jkun bil-mod

Miktub minn Carmen Cachia

L-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem (MEA) ħabbret ir-riżultati tar-raba’ survey tagħha dwar qiegħed imur in-negozju f’Malta tul il-perjodu tal-Covid-19. Barra li l-irkupru mill-pandemija mistenni li jieħu aktar fit-tul minn dak ipproġettat, din l-Assoċjazzjoni qalet li l-problema fost in-negozji hija dik tal-inċertezza però r-riżultati minn dan is-survey juru kemm l-għajnuniet finanzjarji mill-Gvern għenu biex il-kumpaniji ma jfallux jew ikeċċu ħafna mill-ħaddiema tagħhom.

Id-Direttur Ġenerali tal-MEA, Joseph Farrugia qal li waħda mill-aktar affarijiet ċari li ħarġet f’dan is-survey hija kemm il-Wage Supplement mogħti mill-Gvern għen għax ħafna kumpaniji, minkejja li naqsilhom in-negozju, irnexxielhom iżommu ħafna mill-impjegati tagħhom tagħhom. 

Fil-fatt, fejn jidħlu impjiegi u sensji minħabba l-pandemija rriżulta li l-maġġoranza tal-kumpaniji f’Malta – 86% – irnexxielhom ma jwaqqfux ħaddiema, mentri l-bqija, 14% naqqsu iżda dan l-ammont kien inqas minn 25% mit-total tal-ħaddiema tagħhom. Skont l-istess kumpaniji, l-aktar miżuri ta’ għajnuna li kienu effettivi għan-negozji tagħhom kienu dik tal-Wage Supplement, kif ukoll l-għajnuna mill-Gvern fil-kera u fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

Fejn jidħlu impjiegi ġodda, minn Settembru ‘l hawn 47% tal-kumpaniji qalu li reġgħu daħħlu lura lill-ħaddiema li kellhom jew oħrajn ġodda. Dan juri li minkejja l-isfidi tal-pandemija, hemm kumpaniji li mpjegaw n-nies. 53% tal-kumpaniji qalu li ma mpjegawx ħaddiema. 

Barra minnhekk, 76% tal-kumpaniji qegħdin jipproġettaw li fit-tliet xhur li ġejjin se jżommu lill-ħaddiema tagħhom; mentri 9% oħra qalu li se jżidu l-ammont ta’ ħaddiema għal dak li kien qabel faqqgħet il-pandemija; 5% mistennija li se jżidu fin-numru tal-impjegati, iżda mhux daqs kemm kellhom qabel Covid-19 u 10% biss tal-kumpaniji qalu li se jkollhom inaqqsu l-ħaddiema.

Dan is-survey, li huwa parti minn serje ta’ oħrajn immirati biex ikun segwit l-andament tan-negozji f’pajjiżna, staqsa lill-parteċipanti jekk kienx hemm nuqqas ta’ negozju minħabba l-Covid-19 u l-maġġoranza qalu ‘iva’, però mhux kulħadd. Ir-rizultat juri li aktar minn 75% raw tnaqqis meta mqabbla mas-sena ta’ qabel il-Covid-19, jiġifieri 2019. 

Bejn Ottubru 2010 sal-aħħar ta’ Jannar 2021, 44% tal-kumpaniji qalu li s-sitwazzjoni baqgħet l-istess; 33% raw detorjazzjoni; mentri 23% qalu li kellhom titjib.

Mingħajr l-għajnuna mill-Gvern, għadd ta’ kumpaniji jagħlqu

Minn dan l-istħarriġ ħareġ li kieku kellu jieqaf il-Wage Supplement dan ix-xahar, 7% tal-kumpaniji jkollhom jagħlqu. Rigward dan, 55% minnhom qalu li bla effett mentri, 31% li qalu li jekk jieqaf, ikollhom inaqqsu n-nies. 

Bħala rkupru wara l-pandemija, il-parti l-kbira ta’ dawn il-kumpaniji qegħdin ikomplu jibbażaw fuq l-għajnuna finanzjarja fil-pagi tal-ħaddiema mill-Gvern, kif ukoll fil-kontijiet.

Dwar il-programm ta’ tilqim kontra l-Covid-19, 54% qalu li qiegħed jaffettwahom tajjeb, mentri 7% biss qalu li le. Mistoqsija jekk humiex se jagħmlu policy fuq il-postijiet tax-xogħol rigward it-tilqima, il-maġġoranza tal-parteċipanti – 80% – qalu ’iva’.

Fis-survey il-kumpaniji qalu li bħala investiment hemm posponiment minħabba li l-perjodu tal-pandemija rriżulta itwal minn dak antiċipat. Dan minħabba li sena ilu ħadd ma kien qiegħed ibassar li din il-pandemija se ddum magħna daqshekk.

Rigward il-perjodu antiċipat biex ikun hemm irkupru, 45% tal-kumpaniji qegħdin ibassru li għandhom aktar minn sena biex jirkupraw. F’din il-pandemija, ċerti setturi huma milquta aktar minn oħrajn u xi operaturi fl-industrija tat-turiżmu qalu għandhom mnejn li mhux se jsalvaw jekk ma jkunx hemm ċaqlieq pożittiv. Min-naħa l-oħra, 83% tal-parteċipanti qalu li bdew proġetti ta’ investiment.

Fid-dawl ta’ dak li ħareġ minn dan l-aħħar survey, l-MEA qiegħda tirrakkomanda li:

* Ikun hemm aktar infurzar tal-miżuri tas-Saħħa fejn tħoss li għandna nkunu iebsin meta jkun hemm ksur ħalli nnaqqsu r-rata ta’ infezzjonijiet; 

* It-tilqim fuq skala nazzjonali jsir aktar malajr; 

* Il-persuni li mingħajr raġuni valida jirrifjutaw li jieħdu t-tilqima, ma jkunux intitolati għall-leave tal-kwarantina; 

* Ikun introdott il-“green passport” biex min jimpjega jkun jaf min mill-ħaddiema tiegħu ħa t-tilqima u dan fl-interess tal-impjegati kollha;

* Ikun hemm xogħol remot fejn huwa possibbli biex jonqos il-kuntatt fiżiku bejn il-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol;

* Miżuri ta’ xogħol fuq bażi flessibbli għandhom ikun miftuħin bejn min jimpjega u l-ħaddiema b’mod individwali u mar-rappreżentanti tal-ħaddiema stess, iżda mhux fuq bażi leġislattiva;

* Ma jiġux introdotti miżuri li jkunu ta’ piż fuq min ħaddem; u 

* Il-Gvern jindirizza n-nuqqas ta’ ħaddiema f’ċertu setturi tax-xogħol.

Share With: