80% tal-anzjani ta’ 80 sena jew aktar ħadu t-tilqima

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne sostna fil-Parlament li 80 fil-mija tal-anzjani li għandhom ‘il fuq minn 80 sena diġà ħadu t-tilqima.

Huwa qal dan waqt li kien qed iwieġeb sensiela ta’ mistoqsijiet parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg fejn fost oħrajn staqsietu għaliex 65% biss tal-anzjani li għandhom aktar minn 80 sena ħadu t-tilqima.

Waqt li ċaħad il-persentaġġ li semmiet Buttigieg, il-Ministru tas-Saħħa enfasizza li l-proċess għadu għaddej u jinsab fl-aħħar fażijiet tiegħu.

Mistoqsi mill-istess deputat kemm hemm persuni vulnerabbli intitolati għat-tilqima u kemm minnhom ħadu t-tilqima, Fearne wieġeb li minn 23,000 persuna vulnerabbli intitolati għaliha 55% ħadu l-ewwel doża.

Buttigieg staqsiet ukoll kemm hawn persuni taħt it-80 sena li ħadu t-tilqima għalkemm la huma ‘frontliners’ u lanqas m’huma vulnerabbli.

Fearne weġibha li l-proċess ta’ tilqim wasal fi stadju fejn dawk li għandhom iktar minn 60 sena u persuni vulnerabbli b’mard koroniku qed jirċievu t-tilqima jew l-invit bl-ammont ta’ dawk bejn 60 u 79 sena huwa ta’ madwar 94,000.

Share With: