65 rekluta jingħaqdu mal-Korp tal-Pulizija

Dalgħodu ġewwa l-Akkademja tal-Forzi Dixxiplinati f’Ta’ Kandja 65 rekluta; 54 raġel u 11-il mara ngħaqdu mal-Korp tal-Pulizija bħala kuntistabbli wara li temmew il-Kors ta’ Taħriġ għar-Rekluti.

It-taħriġ, li dam erba’ xhur, tmexxa mill-Akkademja tal-Forzi Dixxiplinati u kien jinkludi, kemm taħriġ fiżiku, kif ukoll akkademiku. Il-Ministru għall-Intern, Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Dr Byron Camilleri awguralhom għall-ħidma tagħhom u filwaqt li ħeġġiġhom sabiex jibqgħu jistudjaw u javvanzaw fil-karriera
tagħhom.

Fil-messaġġ tiegħu lill-pulizija ġodda, il-Kummissarju tal-Pulizija, is-Sur Angelo Gafà fakkar lill-pulizija l-ġodda fil-missjoni tal-Korp, dik ‘Li nipprovdu servizz professjonali u fdat biex niżguraw pajjiż sikur bi sħubija mal-komunità’ u enfasizza fuq l-importanza li din il-mission
statement tkun dik li tigwidahom fl-operat tagħhom ta’ kuljum.
Il-premju tar-rekluta li l-aktar li ddistingwa ruħu matul il-kors (il-Mark Farrugia Shield), ingħata lil Kuntistabbli Matthew Galea.

Share With: