37 sena ilu: beda l-istrajk il-kbir mill-ħaddiema tal-minjieri

Kien fil-5 ta’ Marzu tas-sena 1984, meta beda l-istrajk il-kbir tal-ħaddiema tal-minjieri fir-Renju Unit. Dakinhar 6,000 ħaddiem tal-minjieri f’Cortonwood Colliery ħarġu fuq strajk.  Wara ingħaqdu magħhom ħaddiema tal-minjieri minn madwar ir-Renju Unit kollu. Dan sar wara li l-gvern Konservattiv kien ħabbar pjan biex ta’ għeluq tal-minjieri.

L-istrajk infirex lejn Yorkshire u żoni oħra. Ftit jiem wara imbagħad l-Unjin Nazzjonali tal-Ħaddiema tal-Minjieri għamlet l-istrajk wieħed uffiċjali. F’dan l-istrajk ħafna nisa kellhom rwol kruċjali biex jappoġġjaw l-istrajk u  għenu lil ħaddiema jibqgħu għaddejjin bl-azzjoni għal kważi sena sħiħa.  L-istrajk kien karatterizzat minn diversi atti ta’ vjolenza. Finalment il-ħaddiema tal-minjieri tilfu il-ġlieda tagħhom, għax il-gvern konservattiv kien spiċċa għalaq ħafna minjieri. Fifatt fl-1984 kien hemm 174 minjiera u sa għaxar snin wara kien fadal biss madwar 15.

F’dan l-istrajk l-istrateġija tan-Unjin Nazzjonali tal-Ħaddiema tal-Minjieri  kienet li jiddisturbaw l-enerġija u b’hekk ikollhom rebħa bħal ma kellhom fl-istrajk tas-sena 1972. Biss il-Gvern Konservattiv kien ippreparat  għal dan. Il-Gvern immexxi minn Margaret Thatcher, kellu strateġija fuq tlett binarji, dik li jkollu stokk ta’ faħam għall-enerġija, iżomm ħaddiema kemm jista’ jaħdmu  u li juża l-Pulizija biex ikissru  l-attakki  u intimidazzjoni minn pickets fuq ħaddiema li ma kinux qed jobdu l-istrajk. Element kritiku li wassal għal falliment tal-istrajk kien li ma tttieħed ebda vot bejn il-ħaddiema tal-minjieri.

Share With: