1,545 multa f’ġimgħa fuq ksur tar-regoli tal-Covid-19

Għal ġimgħa oħra l-entitajiet kollha responsabbli mill-infurzar kienu f’diversi lokalitajiet madwar pajjiżna biex jinfurzaw ir-regoli marbuta mal-Covid-19. 

Fil-fatt, l-awtoritajiet qalu li ngħataw 1,545 multa. Spjegaw li kien hemm 1,289 persuna li ma kinux lebsin il-maskra u 148 persuna nstabu fi gruppi ta’ iktar minn erbgħa.

Ingħataw ukoll 108 ċitazzjoni b’rabta ma’ ksur ta’ regoli oħra, inkluż diversi li nstabu qed jiksru r-regola ta’ kemm jistgħu jkunu mistiedna persuni d-dar.

L-elef ta’ spezzjonijiet għal dawk li suppost ikunu qegħdin kwarantina komplew ukoll li minnhom nstabu sitt persuni li ma kienux qed josservaw dawn ir-regoli.

Fl-aħħar sigħat il-Pulizija għal darb’oħra fakkru li mhumiex permessi gruppi ta’ aktar minn erba’ persuni u li ma jistgħux jinġabru aktar minn żewġ familji ġo dar waħda.

Fakkru wkoll dwar l-ilbies tal-maskra u dwar l-użu korrett tagħha biex jiġi assigurat li din tgħatti l-imnieħer, il-ħalq u l-geddum. 

Dawk li jiltaqgħu ma ksur ta’ regoli marbuta mal-Covid-19 għandhom jinfurmaw lill-Pulizija fuq 21 224 001.

Share With: