13 fil-mija tal-membri parlamentari f’pajjiżna huma nisa … medja ta’ 33 fil-mija fl-istati membri tal-UE
L-aħħar statistika dwar in-numru ta’ deputati parlamentari nisa fil-parlamenti nazzjonali turi li waqt li l-medja fl-istati membri fl-2020 kienet ta’ 33%, f’pajjiżna din laħqet biss it-13%.
Iċ-ċifri tal-Eurostat, li nħarġu fl-okkażjoni ta’ Jum il-Mara li jiġi iċċelebbrat fit-8 ta’ Marzu, ipoġġu lil Malta fl-aħħar post flimkien mal-Ungerija li wkoll għandha l-istess rata.
Il-pajjiżi li għandhom l-inqas rata wara Malta u l-Ungerija huma r-Rumanija u r-Repubblika Ċeka b’20%.
Fuq in-naħa l-oħra tal-munita, l-Iżvezja għandha l-ogħla rata b’50% tad-deputati huma nisa segwita mill-Finlandja b’46% u l-Belġju b’43%.
L-istatistika tal-Eurostat turi wkoll li Malta kienet ukoll l-inqas stat membru b’nisa f’karigi ta’ ministri u segretarji parlamentari hekk kif matul is-sena li għaddiet kienu 8% tal-membri tal-Gvern li kellhom kariga simili.
Waqt li l-medja fl-UE kienet ta’ 33%, il-pajjiż bl-inqas ministri u segretarji parlamentari nisa warajna kien il-Greċja bi 11% u l-Estonja bi 13%.
Il-Finlandja kellha l-ogħla rata b’55% segwita mill-Awstrija b’53% u l-Iżvezja b’52%.